Lokali Qorti

Roderick Cassar ma riedx jiffirma l-applikazzjoni biex bintu tmur skola tal-knisja

Roderick Cassar ma riedx jiffirma l-applikazzjoni biex bintu tmur fi skola tal-Knisja bil-vittma, martu Bernice Cassar ipprovat titlob għall-permess mill-Qorti tal-familja biex il-firma tagħha tkun biżżejjed sabiex l-applikazzjoni tkun valida. Irriżulta minn naħa tal-avukat tal-parte civile li wara ħafna terturi Roderick Cassar kien iffirma l-applikazzjoni.

Dan ħarep meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Roderick Cassar li jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru li għadda qatel lil martu Bernice b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar f’Kordin waqt li kienet fil-karozza sejra lejn ix-xogħol.

Fil-Qorti ħareġ li kien ġie preżentat rikors fil-Qorti tal-Familja biex jitlob li jiġu esebiti l-proċeduri tal-medjazzjoni tal-Qorti tal-Familja f’din il-kumpilazzjoni, xi ħaġa li riedet il-prosekuzzjoni u l-parte civile fil-każ.

L-Imħallef tal-Qorti tal-Familja kienet talbet biex issir risposta mill-akkużat li jgħid li kien qed joġġezzjona. Dr Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-prosekuzzjoni temmen li dan huwa stadju ta’ kumpilazzjoni, biex tiġbor il-provi kollha.

Il-Qorti qalet li tifhem li dan il-każ huwa emozzjonali għal kulħadd. Il-Qorti qalet ukoll li qed taċċetta li x-xhud jesebixxi l-proċeduri tal-Qorti tal-Familja, minħabba digriet tal-Qorti tal-Familja, u mhux se tidħol fil-mertu jekk hux ammissibbli jew le, u stante li d-difiża ma insistietx biex l-inkjesta tal-Imħallef Geoffrey Valencia tkun esebita f’dawn l-atti l-Qorti qed tastjeni milli tieħu inkonjizzjoni ta’ dik it-talba.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Wayne Camilleri li esebixxa tliet esebiti li nstabu fil-karozza ta’ Bernice Cassar dakinhar li nqatlet. Hu esebixxa kopji tal-proċeduri legali li Bernice Cassar kellha fil-Qorti mal-akkużat, esebixxa wkoll dokumenti b’irċevuti, emails, screenshots u kopji ta’ rapporti tal-Pulizija li għamlet Bernice Cassar kif ukoll esebixxa chequebook u kartiera li kienu fil-karozza tal-vittma.

Xehed ukoll l-espert tal-Qorti Antoine Mugliette li ġie inkarigat biex iħejji rapport fuq stima ta’ ħsarat li ġarrbet il-vettura ta’ Bernice. Ix-xhud qal li nkisret il-ħġieġa tan-naħa tax-xufier fuq quddiem – ħsara li hi stmata li tlaħħaq il-€221.96.

Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex testendi l-inkarigu tax-xhud biex jerġa’ jara l-istess vettura u jivvaluta l-ħsarat kollha mhux tal-ħġieġa biss, inkluż ukoll tad-daqqiet u l-brix. Il-Qorti laqgħet it-talba. Wara xehed ir-reġistratur tal-Qrat Ċivili Etienne Scicluna dwar id-dokumenti tal-akkużat u l-vittma fil-Qorti tal-Familja meta kienu għaddejjin minn proċess ta’ separazzjoni.

Id-difiża, b’referenza għax-xhieda ta’ Scicluna, ivverbalizzat eċċezzjoni preliminari li d-dokumenti li se jesebixxi r-Reġistratur tal-Qrati Ċivili huma inammissibli, jiġifieri m’għandhomx relevanza. Dr Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-prosekuzzjoni temmen li dan huwa stadju ta’ kumpilazzjoni, biex tiġbor il-provi kollha u l-istadju tal-eċċezzjonijiet m’għandux ikun f’dan l-istadju.

Ix-xhieda ta’ Etienne Scicluna ġiet sospiża minħabba li fl-atti li esebixxa f’dan l-istadju ma kienx hemm ir-rikors li kienet fetħet Bernice biex it-tifla tmur l-iskola li ma riedx jiffirma żewġha. Min-naħa tagħha l-Avukat Marita Pace Dimech li qed tidher parte civile għall-familja tal-vittma ivverbalizzat li fl-20 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, hija daħlet rikors il-qorti għax l-akkużat ma riedx jiffirma l-applikazzjoni biex bintu tmur l-iskola Jean Antide.

Hija żiedet tgħid li wara sessjoni ta’ medjazzjoni li saret fit-22 ta’ Ġunju, huwa kien iffirma din l-applikazzjoni wara ħafna terturi. Roderick Cassar hu l-ewwel persuna akkużata b’femiċidju volontarju, verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju. L-unika differenza fil-liġi bejn femiċidju u omiċidju hija li tneħħa l-kunċett tal-“crime of passion” (reat li jkun seħħ waqt passjoni stantanja) fejn jidħlu l-irġiel.

Dan il-kunċett legali ġie introdott din is-sena wara l-qtil vjolenti ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema fit-2 ta’ Jannar. Għaldaqstant l-akkużati ma jistgħux ikomplu jargumentaw li wettqu reat tal-passjoni – waħda mill-linji ta’ difiża l-aktar użati f’każijiet bħal dawn.

Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba kien mixli bi 15-il akkuża fosthom ukoll li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha f’Raħal Ġdid fejn seħħ ir-reat, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess.

Huwa kien mixli wkoll li seraq il-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha. Huwa kien akkużat li kiser ordni ta’ probation u li insultena terza persuna, maħsub li kien raġel li kien ipprova jintervjeni il-Ġimgħa filgħodu ftit tal-mumenti qabel ma seħħ il-qtil. Din il-persuna se tkun fost ix-xhieda mportantiu fil-każ.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma bħala parte civile. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija. Minkejja li ma kienx parti mill-Prosekuzzjoni, s-Supretendent Keith Arnaud qed jikkordina mal-Ispetturi li mexxew l-investigazzzjoni u huma parti mill-Prosekuzzjon