Grupp D:
ĊINA………………….1
INGILTERRA………6
Iċ-champions Ewropej, l-Ingilterra ma ddiżappuntawx u għamluha għall-fażi li jmiss b’rebħa ta’ 6-1 kontra ċ-Ċina.
Il-Lionesses iddominaw mill-ewwel u wara biss erba’ minuti fetħu l-iskor minn azzjoni mibnija bejn Lauren Hemp, Lauren James u Alessia Russo, bil-konklużjoni ta’ din tal-aħħar tispiċċa wara Zhu.
Fis-26 minuta l-Ingliżi rdoppjaw meta Millie Bright rebħet ballun f’nofs il-ground u għaddiet lejn Lauren James, bil-plejer ta’ Chelsea tipprovdi pass mill-isbaħ lil-Lauren Hemp li mill-viċin ma żbaljatx.
Lauren James kompliet tikkonferma l-forma eċċellenti tagħha f’din il-logħba u fil-41 minuta b’xutt minn tarf il-kaxxa għamlet l-iskor 3-0.
Ħames minuti fuq il-ħin regolamentari tal-ewwel taqsima James għamlet ġmiel ta’ gowl b’xutt fl-angolu tax-xibka, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee Casey Reibelt ħassret il-gowl, bl-ewwel taqsima tintemm 3-0.
Iċ-Ċiniżi dehru xi ftit aħjar fil-bidu tat-tieni taqsima tant li fis-57 minuta ingħataw penalty għal handsball ta’ Lucia Bronze. Shaung Wang inkarigat mill-penalty u b’xutt ċentrali għelbet lil Mary Earps.
Madankollu dan il-gowl ma tellef xejn mill-konċentrazzjoni tat-tim Ingliż u fil-65 minuta skorjaw ir-raba’ gowl. Jess Carter tipprovdi assist lil kompatrijotta tagħha Lauren James li b’volley mill-isbaħ skorjat it-tieni gowl tagħha f’din il-partita u t-tielet fil-kompetizzjoni.
L-Ingilterra ma kienux kuntenti b’dan ir-riżultat u fis-77 minuta, minn pass ieħor tal-plejer tal-logħba Lauren James, kienet is-sostituta Chloe Kelly li wara li qabżet lil Zhu tefgħet fix-xibka.
Fl-84 minuta wasal is-sitt u l-aħħar gowl għall-Ingilterra meta wara li rċeviet pass mingħand Coombs, kienet Rachel Daly li niżlet isimha mal-iskorers għal riżultat finali ta’ 6-1 favur l-Ingilterra.
//= $special ?>