Lokali

L-APAN mill-ġdid tappella biex titneħħa d-diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti

F’seminar organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani (KNA) dwar il-pensjonijiet ta’ qabel u wara l-1962 , fl-interventi tagħhom, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Pensjonijiet u l-Anzjanità Attiva David Agius u Paula Mifsud Bonnici, saħqu li l-PN kellu s-soluzzjoni għal din il-problema ta’ distakk fil-pensjonijiet hekk kif tirriżulta mill-programm elettorali tal-elezzjoni ġenerali tal-2022.

Il-kelliema żiedu wkoll li dan għandu jseħħ billi “naraw li l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara t-30 ta’ Diċembru 1961, ikun jitħaddem għall-pensjonanti kollha”

Fl-2005 għaddiet riforma fejn il-pensjonanti ta’ wara l-1962 iħallsu 40 sena bolol flok 30, ir-rata tal-bolla togħla b 31.4% għal €51.60 fil-ġimgħa, l-età tal-irtirar telgħet minn 61 sena għal 65 sena. Bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri l-pensjonanti ta’ wara l-1962 ser jieħdu wkoll żieda fil-pensjoni.

L-Għaqda Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) tifhem li kull riforma trid tiġi aġġornata u għalhekk qed issegwi din il-problema li aggravat biż-żieda qawwija fl-inflazzjoni l-aktar fejn jidħlu l-prezzijiet tal-ikel. Għalhekk qiegħdha mill-ġdid tappella biex titneħħa d-diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti taż-żewġ
terzi ta’ qabel u wara l-1962.

Il-problema ta’ anzjani fil-faqar u risku ta’ faqar kompla jikber fis-snin l-imgħodija u fl-2022 leħaq għal wieħed minn kull tlett anzjani ‘l fuq minn 65 sena. L-APAN qed tgħid li din ir-rata se tkun qed tkompli tikber jekk dan il-Gvern ma jagħmel xejn, waqt li żżid ” jirrikjedi li jkun hemm soluzzjoni  billi ssir reviżjoni tal-pensjonijiet kollha ta’ qabel it-30 ta’ Diċembru 1961 kif qed jitlob il-Partit Nazzjonalista”

Il-problema dwar il-pensjonijiet tqajjmet dan l-aħħar u wasslet għall-opinjonijiet differenti dwar x’għandu jsir biex id-distakk jitnaqqas.

Propju minn meta għadiet din ir-riforma, fl-2005 suppost li kien hemm reviżjoni kull ħames snin, fl-2010,2015 u l-2020, pero kien propju issa li wasalna għal din iż-żieda fil-pensjoni li Michael Falzon, il-Ministru tad-Drittijiet Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, wiegħed li fil-budget li ġej se jibda jindirizza din l-anomalija li għal dawn l-aħħar 10 snin dan il-gvern kien qiegħed jirrifjuta li jindirizza.

Fl-aħħar, il-Ministru rrikonoxxa li din id-distinzjoni li nħolqot bejn il-pensjonanti hija waħda diskriminatorja u għalhekk fil-bagit li jmiss ser ikun qed inaqqas dan id-distakk fil-pensjonijiet.