Il-golkeeper leġġendarju Taljan Gianluigi Buffon se jkun qed iħabbar li rtira mill-futbol milgħub fil-jiem, possibilment anke siegħat li ġejjin.
Dan minkejja rapporti wara tmiem l-istaġun li għadda li Buffon kien se jilgħab staġun ieħor sa tmiem il-kuntratt ma’ Parma kif ukoll diversi offerti mill-Arabja Sawdija.
L-eks goalkeeper ta’ Juventus u PSG mistenni jilħaq ftehim ma’ Parma għat-terminazzjoni tal-kuntratt, terminazzjoni li tkun qed tfisser ukoll tislima lill-futbol milgħub lil wieħed mill-aqwa goalkeepers fl-istorja tal-futbol.
Rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li Buffon se jingħata rwol ta’ Kap tad-Delegazzjoni mat-Tim Nazzjonali Taljan.
Buffon beda l-karriera tiegħu ma’ Parma u ta’ 17-il sena ddebutta mal-iskwadra ewlenija fi draw ta’ 0-0 kontra Milan, li f’dak l-istaġun rebħu l-kampjonat. Bejn l-1995 u l-2001 ma’ Parma Buffon lagħab total ta’ 168 logħba u rebaħ it-Tazza Uefa, Coppa Italia u s-Supercoppa.
F’Lulju tal-2001 Buffon ingħaqad ma’ Juventus għas-somma ta’ €52 miljun fejn f’dak l-istaġun miegħu ingħaqad ukoll Lilian Thuram. Mal-Bianconeri, bejn l-2001 u l-2018, Buffon lagħab total ta’ 509 partiti fejn f’dak il-perjodu rebaħ xejn inqas minn 9 darbiet is-Serie A, 4 darbiet Coppa Italia u 5 Supercoppa. Buffon ma rnexxielux jirbaħ il-UEFA Champions League hekk kif huwa tilef tliet finals kontra Milan fl-istaġun 2002/03, Barcelona fl-2014/15 u kontra Real Madrid fl-istaġun 2016/17.
Fl-istaġun 2018/19 Buffon ingħaqad għal staġun wieħed ma’ PSG fi Franza fejn magħhom lagħab 17-il logħba fejn f’dak l-istaġun PSG rebħu l-Kampjonat u t-Tazza Franċiża.
L-istaġun ta’ wara huwa rritorna ma’ Juventus għal żewġ staġuni fejn rebaħ Kampjonat, Coppa Italia u Supercoppa.
Għal dawn l-aħħar żewġ staġuni Buffon irritorna ma’ Parma wara li sfaw relegati mis-Serie B fejn magħhom lagħab total ta’ 43 partita u fi Frar tas-sena l-oħra laħaq tragward importanti fejn laħaq il-500 logħba li ma qalax gowl.
Mat-tim Nazzjonali Taljan Buffon rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2006 bl-għoti tal-penalties kontra Franza.
