48 siegħa wara u t-12-il domanda mibgħuta minn Net News għadhom mhux imwieġba
Jumejn ilu Carmen Ciantar saħqet li m’għadhiex awto-sospiża u li reġgħet lura bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Jumejn ilu hija saħqet li rebħet fuq il-Forzi tad-Dlamijiet.
Iżda ilna jumejn mingħajr risposta dwar x’investigazzjoni nadfitilha isimha – min huma dawn il-forzi tad-dlamijiet – u effettivament x’inbidel f’dawn l-aħħar 3 xhur.
Jumejn mingħajr tweġiba – jumejn ta’ silenzju anke minn naħa tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn sa issa għadu ma wieġeb għall-ebda domanda magħmula minn Net News it-Tnejn stess.
12-il domanda mibgħuta permezz ta’ e-mail, li aktar minn 48 siegħa wara baqgħu mhux imwieġba.
Fosthom il-mistoqsija li ilna nistaqsu lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal aktar minn xahar – jekk jeskludix li wara l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u ta’ Carmen Ciantar hemmx l-id tal-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.
Din id-darba Fearne għoġbu jinjora għal kollox id-domanda, għalkemm fit-23 ta’ Ġunju qalilna li ma jixtieqx jispekula…
Wara daż-żmien kollu ħadd mill-Partit Laburista ma ċaħad jew eskluda b’ebda mod l-involviment ta’ Joseph Muscat – bħal ma ġie allegat mill-awtur Mark Camilleri – jew saħansitra mill-kamp Laburista b’mod ġenerali.
L-unika fatt ċert huwa li skont Carmen Ciantar u Chris Fearne f’pajjiżna hawn l-hekk imsejħa forzi tad-dlamijiet; u sa issa, ħadd m’għandu idea f’hiex waslu l-investigazzjonijiet…dejjem jekk bdew. Id-domandi saru – iżda l-unika risposta minn naħa ta’ Chris Fearne hija s-skiet totali. Kif kellna skiet totali anke minn Carmen Ciantar innifisha, li baqgħet ma wiġbitx il-mistoqsijiet ta’ Net News.
//= $special ?>