“Għandu jingħata kumpens ġust lis-sidien tal-art f’Ħondoq u ż-żona għandha tiġi mibdulha f’park naturali għat-tgawdija tal-pubbliku. B’hekk biss, Ħondoq ir-Rummien fil-Qala jista’ jkun salvagwardjat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.”
Hekk stqarr l-Editorjal tal-MaltaToday, illi fakkar kemm kienet tajba l-proposta li ħareġ biha l-PN fil-Programm Elettorali. Bl-editur jinsisti li l-Gvern imexxi minn Robert Abela għandu jwettaqha mingħajr dewmien.
Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq is-snin li l-Gvern għandu jakkwista din l-art u jagħmilha park nazzjonali kif ħaqqhom il-familji Għawdxin.
L-editorjal tal-MaltaToday sostna li l-esproprjazzjoni ta’ Ħondoq ir-Rummien iżid in-numru ta’ spazji ħodor. Dan filwaqt li l-Gvern għandu jiżgura li l-wegħdha tiegħu li s-sit tibqa’ mhux żviluppata tittrasforma f’azzjoni konkreta…u ma tkunx semplici paroli.
Apparti dan, l-editorjal tal-MaltaToday tefa’ dawl fuq il-qasma li teżisti bejn is-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttiġeġ u l-Prim Ministru Robert Abela. Dan wara li d-deċizjoni tal-Qorti, li għalqet il-bieb għal dan il-proġett massiċċ li hedded lil Ħondoq u l-inħawi tiegħu. Iżda l-aġir ta’ Robert Abela ħalla togħma qarsa, hekk kif il-Prim Ministru – wara din id-decizjoni – ma għamilx referenza diretta għas-Sindku Laburista.
Fi kliem l-MaltaToday, wara li l-Partit Laburista ħalla lil Buttigieg jiġġieled waħdu għal dawn is-snin kollha, l-inqas ħaġa għandu jagħmel issa hi li jinvolvi ruħu fl-aħħar spinta għal soluzzjoni dejjiema li ssalva iż-żona tal-Ħondoq – kif propna l-Partit Nazzjonalista.
Anke l-minority leader fil-Kunsill tal-Qala Karl Buttigieg insista li din il-medda ta’ art ghandha tinbidel f’park nazzjonali. B’hekk, titgawda mir-residenti Qalin, kif ukoll mill-Għawdxin, il-Maltin u t-turisti.
Izda biex dan ikun jista’ jsir, il-gvern ghandu jiehu din l-art lura taht idejh, illum qabel ghada.
//= $special ?>