Lokali

Identifikati nuqqasijiet fis-sistema fejn jidħol l-abbuż fuq it-tfal

Studju li sar mill-Fakultà tal-Benessri Soċjali fl-Università ta’ Malta bit-tema ‘Protecting our Children – Exploring and Preventing Child Abuse’ għal darb’oħra jenfasizza s-sitwazzjoni inkwetanti għat-tfal, fejn jidħlu abbużi.

Filwaqt illi l-istudju juri illi saret ħidma fis-settur, dan ix-xogħol li sar milll-Professur Andrew Azzopardi u l-Professur Roberta Attard flimkien ma’ tim ta’ Research Support Officers jitfa’ dawl fuq għadd ta’ problemi u sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati mingħajr dewmien.

Dan l-istudju sab illi l-abbuż emozzjonali, segwit minn abbuż fiżiku, huwa l-aktar abbuż komuni fit-tfal, irrispettivament mis-sess tat-tfal. Instab ukoll illi l-ġenituri tat-tfal huma l-aktar nies irrappurtati li jwettqu  abbuż fiżiku u emozzjonali fuq it-tfal, segwit minn aħwa, qraba oħra u edukatturi.

Dan filwaqt illi fejn jidħol abbuż sesswali fuq it-tfal, nies barranin, qraba oħra jew il-partners tal-ġenituri huma l-aktar nies irrappurtati li jwettqu dan it-tip ta’ abbuż.

Minkejja l-impatt konsiderevoli li jħalli l-abbuż fuq it-tfal, għal darb’oħra dan l-istudju wera li huma ftit dawk il-vittmi ta’ abbużi li jfittxu l-għajnuna jew jirraportaw l-abbuż innifsu.

Filfatt mill-parteċipanti li ħadu sehem f’dan l-istudju, irriżulta li 27% biss fittxew l-għajnuna, bi 30% ta’ dawk li fittxew appoġġ ammettew li l-appoġġ  li ngħataw ma kienx biżejjed.

L-istudju juri l-ħtieġa li l-ħaddiema soċjali u s-servizzi soċjali jkunu aktar preżenti, kif ukoll il-ħtieġa ta’ appoġġ addizzjonali fl-iskejjel sabiex wieħed ikun kapaċi jitkellem u jfittex l-għajnuna.

Ġiet enfasizzata wkoll l-ħtieġa għal konsegwenzi legali aktar serji fuq min jabbuża u aktar protezzjoni mill-pulizija lejn il-vittma. Dan filwaqt li r-rapporti li jsiru fl-għases għandhom jiġu indirizzati immedjatament.