Lokali

Il-ġimgħa d-dieħla tibda l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia

Il-Gvern jerġa' jsejjaħ lill-ġurnalisti bla cameras

Il-ġimgħa d-dieħla se tibda l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia – inkjesta li għandha ddum ħames xhur; għalkemm tista’ tintalab estensjoni.

It-termini ta’ din l-Inkjesta Pubblika ġew preżentati f’laqgħa mal-media li saret fil-magħluq, u li kienet indirizzata mill-Ministru Jonathan Attard u Stefan Zrinzo Azzopardi.

Skont it-termini ta’ referenza, din l-inkjesta għandha tinvestiga l-possibiltà ta’ nuqqas minn naħa ta’ xi entità tal-istat, u jekk hemmx regolamenti fil-proċessi tal-bini li jeliminaw ir-riskju ta’ korriment.

It-termini jsemmu wkoll l-allokazzjoni lill-kumpanija AllPluz tas-sit li fuqu kienu qed isiru ix-xogħolijiet. Din il-kumpanija hija immexxija minn Matthew Schembri u Kurt Buhagiar.

Din l-inkjesta għandha titmexxa f’waħda mill-awli tal-bini tal-Qorti u ssir bil-miftuħ. Iżda skont it-termini ta’ referenża, l-Bord għandu l-fakultà li jirrestrinġi l-aċċess tal-pubbliku għal informazzjoni, xhieda jew dokumenti mogħtija lilu, jekk il-Bord iqis dik l-informazzjoni bħala waħda li hija kunfidenżjali fit-termini tal-liġi, jew sabiex tiġi protteta s-sigurtà u d-drittijiet tax-xhieda.

Intant, f’għeluq is-sena mit-tqegħid tar-rapport finali tal-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ir-rakkomandazzjonijet magħmula mill-bord ser jiġu diskussi bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Din l-Inkjesta Pubblika se tkun immexxija mill-Ombudsman attwali Joe Zammit McKeon, mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mill-espert tal-Qorti Mario Cassar. U l-Bord għandu s-saħħa jaħtar persuni biex jassistuh f’din l-inkjesta.

Meta indirizza lill-media, il-Ministru Jonathan Attard baqa’ jgħid li din hi Inkjesta Amministrattiva.

It-traġejda li Jean Paul Sofia seħħet f’Dicembru li għadda, u li l-Gvern dam xhur sħaħ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.

Dawn huma is-seba’ aspetti li se tinvestiga l-inkjesta:

  1. Jiġi mistħarreġ jekk l-allokazzjoni minn entitajiet tal-Gvern lil AllPlus Limited li tagħha Matthew Schembri u Kurt Buhagiar huma diretturi, tas-sit li fuqu kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ kostruzzjoni inkwistjoni, saritx skont il-liġi, b’mod regolari u skont il-proċeduri viġenti, jew xort’ oħra;
  2. Jiġi investigat u stabbilit jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mod kif saret l-imsemmija allokazzjoni, it-tiġrif tal-binja i l-konsegwenzi tagħha;
  3. Fil-kuntest ta’ x’ġara qabel, matul u wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, jiġi investigat jekk l-iStat kellux fis-seħħ regolamenti u jekk assigurax l-infurzar ta’ regolamenti, policies, proċessi u obbligi amministrattivi, li kapaċi jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni matul il-fażijiet kollha tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
  4. Jiġi investigat jekk miżuri adekwati għall-prevenzjoni ta’ fatalitajiet u korrimenti minħabba l-iżvilupp u l-kostruzzjoni humiex serjament integrati fil-proċessi kollha relatati ma’ dawn is-setturi.
  5. Jiġi investigat jekk il-proċess tal-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni għandux fi ħdanu liġijiet, policies, regolamenti, proċessi amministrattivi u miżuri operazzjonijiet xierqa li kemm jista’ jkun jeliminaw ir-riskju ta’ korriment u/jew mewt.
  6. Jiġi investigat jekk kienx hemm xi enitat tal-iStat, inkluż dawk tal-iżvilupp u l-kotruzzjoni li naqset milli tieħu passi/azzjoni fil-parametri tal-poteri tagħha li f’ġudizzju raġjonevoli kienet mistennija tieħu sabiex tevita risku ta’ korriment u/jew mewt.
  7. Jitressqu dawk ir-rakomandazzjonijiet kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, skont id-deċiżjoni tal-Bord, sabiex jittieħdu miżuri għat-tisħiħ tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni.