Internazzjonali

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ: Sejħa biex il-ġenerazzjoni ġdida tal-Kattoliċi jindirizzaw il-problemi li qed jifnu lis-soċjetà

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, wasal fil-Portugall biex jinawgura l-attivitajiet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li qed jattendu għaliha mijiet tal-eluf taż-żgħażagħ Kattoliċi minn diversi pajjiżi…U fl-ewwel messaġġ f’dan il-pajjiż, il-Papa ressaq sfida lill-Ewropa biex terġa’ tieħu r-riedni bħala xprun għall-paċi u għat-tkattir tar-relazzjonijiet tajbin bejn l-Istati tal-kontinent.

Intant, il-Papa qed jittama li juża dawn il-ħamest ijiem fil-Portugall biex jispira lill-ġenerazzjoni ġdida tal-Kattoliċi ħalli jaħdmu flimkien lejn it-trażżin tal-bidliet fil-klima. Hu anki jixtieq jara impenn akbar miż-żgħażagħ biex jevitaw il-konflitti filwaqt li jindirizzaw il-problemi l-oħra li qegħdin jinfnu lis-soċjetajiet tallum.

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hu intiż biex iġedded is-sens ta’ fidi fost il-Kattoliċi żgħażagħ u ż-żjara tal-Papa, minbarra li qed issir fuq livell Statali, tinkludi anki l-impenji reliġjużi fosthom pellegrinaġġ lejn is-Santwarju ta’ Fatima li hi programmata għal tmiem il-ġimgħa. Dan qabel il-quddiesa l-kbira tal-Ħadd konċelebrata mill-Kap tal-Kattoliċi u li għandha tattira numru rekord ta’ devoti.

Il-Papa qed isejjaħ mill-ġdid biex iż-żgħażagħ iqumu u jsemmgħu leħinhom bħala parti minn impenn rivoluzzjonarju għall-ġid morali u spiritwali tas-soċjetà tallum.

Intant, l-ewwel parti taż-żjara ta’ Franġisku fil-Portugall kienet tinkludi laqgħat f’Lisbona mal-President Portugiż Marcelo Rebelo de Sousa u l-Prim Ministru tal-Portugall Antonio Costa. Fl-istess ħin, f’Lisbona, kien hemm jilqgħuh il-membri tal-Gvern Portugiż flimkien mar-rappreżentanti tal-korp diplomatiku.

L-aktar messaġġ li spikka, intant, kien l-appell biex iż-żgħażagħ ixammru l-kmiem u jibnu futur aħjar għalihom u għad-dinja.  Il-Papa hawnhekk irrefera għall-gwerra fl-Ukrajna, il-global warming u t-tmermir tad-demokrafiku Ewropew fejn qal li qed ‘joħlom dwar Ewropa b’qalb żgħażugħa u sens ta’ kollettiv li ma tibbażax biss fuq il-preżent iżda anki fuq viżjoni għall-futur li minnu jibbenefika kulħadd’.

Il-Kap tal-Kattoliċi enfasizza x-xewqa għal Ewropa aktar inklussiva għad-diversi ġnus tad-dinja u li ma tippersistix daqstant wara l-ideoloġiji li jivvantaġġjaw biss lill-ftit.