Lokali

Il-PN jeżiġi u jwiegħed standards ogħla, infurzabbli u infurzati fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-propjetà

B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rekwiżiti Minimi għar-Rendiment fl-użu tal-Enerġija għall-Bini, il-Partit Nazzjonalista, bħalma għamel dejjem, se jkun qed jikkontribwixxi għal dan il-proċess permezz tal-proċeduri Parlamentari waqt li jkompli jkun impenjat f’konsultazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ippjanar, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stanley Zammit jinsisti dwar il-ħtiega li f’pajjiżna jkun hemm tibdil fid-direzzjoni u li standards ogħla u infurzabbli jkunu implimentati u infurzati.  Dan mhux biss biex ikunu allinejati mad-Direttivi Ewropej u biex jintlaħqu miri u obbligi nazzjonali u Ewropej, iżda l-aktar għax dawn l-istandards itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jagħtu valur ogħla lill-propjetà.

L-istqarrija tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), b’messaġġ lill-Gvern ta’ Robert Abela għal titjib fl-istandards, tikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu għal numru ta’ snin jinsisti: li mill-pożi u l-paroli, il-Gvern jgħaddi għall-fatti u li f’pajjiżna jkun hawn aktar u żieda fil-ħarsien ta’ x’tip u kif l-iżvilupp ikun qed isir.

Fl-istqarrija tagħha, l-MDA qed twissi lill-Gvern u lill-awtoritajiet ikkonċernati li mhux se tittollera aktar id-dilettantiżmu u nies inkompetenti li jkomplu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ industrija sħiħa, li jikkawżaw frustrazzjoni u rabja ġġustifikata f’pajjiżna. B’reazzjoni wkoll li jiem ilu ġiet ippubblikata l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jesiġi bidla fir-rotta għal żvilupp sostenibbli u adattat għal pajjiżna, filwaqt li nikkultivaw u nħarsu il-komunitajiet u jkunu ssalvagwardjati l-ħtieġa bażika tal-Ambjent tagħna lkoll.

Jeħtieġ li mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn, il-Gvern jindirizza bis-serjetà l-modi li bihom irridu nżidu l-kompetittività tagħna b’politika serja, ħolistika u integra li twassal għal policies u proċessi tal-ippjanar u regolamentazzjoni dwar il-binjiet li jtejbu u jarrikkixxu l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll u mhux ta’ wħud biss, minflok ma jibqa’ jkun ipprivatizzat il-qliegħ u ssoċjalizzat it-telf.