Lokali

Il-proġett tal-Pjazza joħloq diżgwid kbir fil-Kunsill tal-Mosta

Il-kriżi fi ħdan il-Partit Laburista qed tinfirex mill-għola uffiċċji f’Kastilja sal-kuriduri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista – mis-Super One sal-Kunsilli Lokali – ebda qbil, kedda waħda wara l-oħra, u esponenti Laburisti joħduha kontra xulxin; bil-paniku għal Robert Abela jissokta.

Dan hekk kif Kunsillier lokali tal-Labour issa qiegħed jhedded li jitlaq lill-Partit u jsir Kunsillier Indipendenti. Dan hekk kif sorsi qrib it-tmexxija tal-Kunsill tal-Mosta spjegawlna li Marvic Camilleri kellu diżgwid qawwi mas-Sindku Mosti Chris Grech b’rabta max-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza tar-Rotunda.

Xogħlijiet li bħal donnhom ma jridu jispiċċaw qatt bil-kummerċ mifni, residenti fgati fit-traffiku, trab u ansjetà waqt li l-festa diġa’ daħlet fil-perijodu tal-Kwindiċina.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom saħqu li Marvic Camilleri qed ixerred il-kelma man-nies li ddejjaq bit-tmexxija ta’ Grech għaliex is-Sindku Laburista ddeskrivieh bħala persuna li hu “ta’ rasu wisq”.

Net News jista jiżvela illi wara li kien miftiehem li l-kuntrattur kellu jitlaq mill-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja sal-4 ta’ Awwissu, is-Sindku nnifsu qabdu jagħmel xi xogħol fuq il-ġiebja li tinsab fil-pjazza nfsiha. Minħabba f’hekk, kellha issir laqgħa urġenti bejn in-nies tal-Knisja, Infrastructure Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mosta sabiex ix-xogħlijiet jitressqu xi ftit metri ‘l bogħod minn fejn huma preżentament u x-xogħol fi Triq il-Kungress Ewkaristiku jitħaffef hekk kif il-Mostin diġa’ bdew jiċċelebraw il-festa tal-Assunta.

Bosta residenti li tkellmu magħna, sidien ta’ ħwienet – uħud saħansitra mbikkma – saħqu li ma jifilħux aktar l-imġieba tas-Sindku li skont huma qiegħed jitratta lin-nies qishom dubbien; u mhux jagħti kas l-appell tar-residenti.

Huma saħqu illi jifhmu li x-xogħol irid isir. Madanakollu ix-xogħol bla pjan qed jidfinhom f’darhom stess, bis-sidien tal-ħwienet qiegħed joqtolhom bil-ġuħ.

Oħrajn saħqu li fl-aħħar xhur saret impossibbli biex tidħol jew toħroġ mill-Mosta; bit-toroq magħluqin u t-traffiku kontinwu.

U għal dawn ir-raġunijiet jidher li l-kunsillier Laburista Marvic Camilleri ma jridx ikollu x’jaqsam aktar mat-tmexxija ta’ Chris Grech.