Għada l-Ħamis, Ħamrun Spartans jaffrontaw lil Dinamo Tbilisi tal-Ġorġja, fil-Boris Paichadze Dinamo Arena, f’Tbilisi.
Iċ-champions lokali jinsabu f’vantaġġ ta’ 2-1 wara li fl-ewwel leg dawwru telfa f’rebħa b’ żewġ gowls ta’ Joseph Mbong lejn it-tmiem.
“It-tim jinsab f’konċentrazzjoni massima biex jaffronta l-isfida ta’ għada kontra Dinamo Tbilisi fil-kapitali Ġorġjana.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kowċ Luciano Zauri waqt konferenza tal-aħbarijiet ġurnata qabel it-tieni logħba mit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
Luciano Zauri żied jgħid li minkejja l-vantaġġ ta’ gowl li kiseb it-tim Ħamruniż fl-ewwel leg f’Ta Qali, il-preparamenti għal din il-logħba huma daqslikieku t-tim qiegħed f’deficit ta’ gowls.
L-istess konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mill-plejer internazzjonali Malti u difensur laterali ta’ Ħamrun Spartans Ryan Camenzuli.
Huwa saħaq dwar l-importanza li t-tim tal-Ispartans jibqa’ dixxiplinat sal-aħħar minuta.
Wara l-konferenza tal-aħbarijiet l-iskwadra tal-Ispartans tħarrġet fil-Boris Paichadze Dinamo Arena.



