Lokali Qorti

Kowċ tal-basketball mixli li abbuża sesswalment tifla taħt l-età fl-Italja

Kowċ tal-basketball Taljan ta’ 41 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq li fil-bidu ta’ Lulju li għadda wettaq abbuż sesswali fuq tifla ta’ 15-il sena li kienet waħda mill-istudenti li li kien jgħallem u jieħu ħsieb. L-allegat abbuż seħħ f’lukanda ġewwa Parma.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti, ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar snin. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih fosthom li abbuża mill-kariga tiegħu meta ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tifla taħt l-età, li żammha kontra l-volontà tagħha, li kkorrompiha, li talabha favuri sesswali u li kkaġunalha biża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha.

Allegatament l-każ seħħ bejn it-3 u l-10 ta’ Lulju li għadda meta l-kowċ ħa l-istudenti li jgħallem għal tournament tal-basketball. L-allegat abbuż seħħ fil-lukanda li kienu alloġġati fiha. Malli l-kontinġent wasal lura Malta, l-allegata vittma għamlet rapport lill-pulizija fejn qal li il-kowċ tagħha abbużaha sesswalment. 

L-Avukati Ishmael Psaila u Adrian Sciberras talbu għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li l-allegat każ ġara fil-bidu ta’ Lulju. Talba li sabet oġġezzjoni qawwija mill-Prosekuzzjoni minħabba li għad trid tixhed il-vittma fejn ingħad li din tinsab imwerwra.

Minn naħa tagħhom l-avukati tad-difiza ppreżentaw fil-Qorti ritratt li telgħet it-tifla fuq il-midja soċjali 14-il siegħa qabel turi partijiet minn ġisimha. Il-Qorti ordnat li r-raġel jibqa’ arrestat minħabba li l-allegata vittma għad trid tixhed dwar il-każ. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorienne Tabone li kienu mgħejjuna mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.