“Li kieku kull xufier li jaqbdu l-ġuħ kellu jaddotta l-istess attitudni u jieqaf jixtri xi ħaġa x’jiekol f’nofs traġitt dan jaf itellef sew is-servizz tal-linja u għaldaqstant mhux permessibbli. L-ebda xufier ma jista’ jħalli x-xarabank weħidha bin-nies abbord…anke jekk il-passiġġieri jkunu tawh permess.”
Dan sostnew il-Malta Public Transport fi stqarrija uffiċjali b’rabta ma’ filmati li ġew ippubblikati fuq il-media soċjali fejn wera xufier jixtri x’jiekol mingħand pastizzerija wara li waqqaf ix-xarabank, bil-passiġġieri abbord, fi Triq in-Naxxar, San Ġwann.
L-MPT spjegat li kulħadd jista’ jiżbalja u li l-ħaddiema huma essenzjali għal kumpanija – iżda huwa kruċjali li jżommu l-istandards għoljin ukoll.
Huma spjegaw li l-fatt li x-xufier jabbanduna xarabank fuq il-lant tax-xogħol tpoġġi f’riskju mhux biss lix-xufier innifsu imma anke lill-passiġġieri. “Li titlob permess kif qed jiġi allegat ċertament li mhux qed tgħamel is-sitwazzjoni aktar sigura.”
Dan filwaqt li l-Malta Public Transport spjegat li se tkun qed tisma’ l-verżjoni sħiħa tax-xufier u intqal li l-passi dixxipplinarji se jkunu qed jittieħdu minn persuna indipendenti – maħtura mill-kumpanija flimkien mal-unjin li tirrappreżenta lill-ħaddiem.
Bosta kienu dawk li kellhom reazzjonijiet varji hekk kif osservaw il-filmat, b’diversi persuni jisħqu li ma kien fiha xejn ħażin jekk ix-xufier niżel jixtri jiekol. Oħrajn saħqu li dan id-dewmien jissarraf fix-xarabank tasal tard għalihom….għad-detriment tal-klijenti nfushom.
Dan filwaqt li persuni oħrajn saħqu li dan il-pajjiż għandu aktar problemi u sfidi gravi fuq xiex għandu jinkwieta.
//= $special ?>