L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) qed twissi lill-Gvern u lill-awtoritajiet konċernati li mhux se tittollera aktar id-dilettantiżmu u nies inkompetenti li jkomplu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ industrija sħiħa, li jikkawżaw frustrazzjoni u rabja ġustifikata f’pajjiżna. Dan wara li jiem ilu ġiet ippublikata l-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Dan qalitu permezz ta’ stqarrija fejn kompliet tgħid li għal snin sħaħ, l-MDA ilha tistinka biex iġġib taħriġ xieraq, professjonaliżmu u reġim serju ta’ liċenzjar, mhux biss għall-iżviluppaturi u kuntratturi, iżda wkoll għal dawk li jqiegħdu l-madum, installaturi tal-aperturi u kull tip ta ‘operaturi li jaħdmu f’dan il-qasam.
L-MDA qalet li dawn għandhom ikunu rikonoxxuti wkoll mill-Istat u d-dilettanti kollha li ma jridux jaġġornaw il-prattiċi tax-xogħol tagħhom għaż-żminijiet tal-lum, għandhom jinqatgħu darba għal dejjem.
Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li hi tiċċekkja l-applikazzjonijiet kollha ta’ sħubija b’mod diliġenti u ma taċċettax lil kulħadd bl-addoċċ, speċjalment dawk li jsostnu li “saru żviluppaturi” mil-lum għal għada. Dan fiwaqt li tingħata prijorità assoluta lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jaraw lil din l-industrija tilqa’ l-isfidi kollha meħtieġa biex jitnaqqas kemm il-periklu kif ukoll l-inkonvenjent għal nies li għandhom kull dritt li jgħixu ħajja trankwilla.
L-MDA kompliet li aktar milli ħafna burokrazija li wieħed irid jimla’ biex jibda proġett, il-Gvern irid jara min hemm wara kull proġett u li l-kuntratturi ikollhom in-nies kompetenti kollha meħtieġa biex ikunu fuq il-post. Dan irid isir anke jekk aħna konxji li l-ammont ta’ żvilupp li qed isir bħalissa jista jonqos.
//= $special ?>