Lokali Qorti

Multa ta’ €60,000 u sentenza sospiża fuq ħasil ta’ flus b’rabta mad-droga

Pensjonant ta’ 68 sena ġie mmultat aktar minn €60,000 u kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa, fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabet lil Mario Brignone ħati li ħasel il-flus mill-qligħ mit-traffikar tad-droga, u li kien daħal fil-kriminalità permezz ta’ ibnu Josef Zammit ta’ 30 sena minn Marsaskala.

L-anzjan u ibnu, diġà fuq żewġ każijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ pleġġ kull wieħed, is-sena l-oħra nżammu taħt arrest preventiv fuq pussess aggravat ta’ droga, ħasil ta’ flus u akkużi ta’ ksur ta’ pleġġ. Brignone minn Bormla u ibnu, Josef Zammit, it-tnejn kienu baqgħu iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi.

L-akkużi kienu konnessi mas-sejba ta’ ‘crack cocaine lab’ u diversi drogi ta’ livell għoli fi proprjetà taħt il-kontroll tagħhom. Fi tfittxija fid-dar ta’ Brignone kienu nstabu flus kontanti moħbija ġewwa apparat domestiku.

Ċavetta li nstabet taħt it-tapit tal-bieb ta’ barra, kienet taqbel ma’ residenza abbandunata faċċata, fejn instabu aktar droga u flus kontanti, flimkien ma’ tagħmir (labortatorju) użat għall-manifattura tal-‘crack cocaine’. Il-Pulizija hemm sabet kważi €15,000 fi flus kontanti, bl-investigazzjonijiet irriżulta li kien ġibed madwar €8,800.

Brignone, jirċievi pensjoni ta’ ftit aktar minn €700 fix-xahar, u kien qal lill-pulizija li kellu vizzju tal-logħob. Il-Qorti qalet li l-akkużat ma kellux rekord kriminali “inkwetanti”, iżda li kien ammetta biss għall-akkużi meta d-difiża ntalbet tressaq il-provi tagħha.

“L-akkużat kien qed jipprova jaħbi d-dħul mit-traffikar tad-droga, reat li fih l-akkużat qed igawdi mill-vizzji tal-vittmi tiegħu. Ta’ 68 sena, l-imputat kellu jkun jaf aħjar iżda l-Qorti trid tikkunsidra li huwa maqbud taħt il-kontroll ta’ ibnu u l-ħajja kriminali tiegħu. Kif miftiehem mal-prosekuzzjoni, sentenza ta’ ħabs għall-akkużat ma tkunx xierqa, peress li l-ammont maħsul kien ta’ ftit aktar minn €15,000.”

Apparti s-sentenza sospiża, Brignone ġie mmultat €20,000, ordnat iħallas ‘il fuq minn €24,000 fi spejjeż tal-qorti, u tilef id-depożitu ta’ €20,000 li tħallas għall-libertà kondizzjonali tiegħu. L-avukati difensuri għal Brignone kienu Franco Debono u Marion Camilleri.