Sport Waterpolo

Neptunes juru l-potenzjal b’rebħa fil-konfront dirett

Stewart Said

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…. 7

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 11

(1-4), (2-1), (3-4), (1-2)

Wirja mill-aqwa pprovdiet lil Neptunes Videoslots b’rebħa ta’ 11-7 fil-konfront dirett kontra San Ġiljan JP Projects. B’dan ir-riżultat, it-tnejn spiċċaw b’25 punt iżda Neptunes kisbu l-ewwel post minħabba riżultat aħjar fil-konfront dirett.

Neptunes kienu aktar konċentrati u kompatti biex jiksbu t-tliet punti u kienu fil-kontroll għal ħafna mil-logħba. Spikkaw fost l-oħrajn Stevie Camilleri u Jake Muscat.

San Ġiljan ma kinux kontinwi fil-logħob tagħhom u żgur li ma kinitx l-aħjar prestazzjoni tagħhom. Fil-play-offs, Neptunes jiltaqgħu kontra Valletta u San Ġiljan kontra Sliema.

Bidu b’saħħtu minn Neptunes fl-ewwel sessjoni. Filip Filipovic poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ minn penalty sakemm Maro Jokovic wieġeb ukoll minn penalty. Neptunes irnexxielhom jibnu vantaġġ ta’ tliet gowls permezz ta’ Jake Muscat, Stevie Camilleri u Aleksandar Ivovic.

San Ġiljan ħarġu aħjar fit-tieni sessjoni, bdew jiddefendu aħjar u kellu jkun Alan Borg Cole li ċaħħadhom f’aktar minn okkażjoni. Huma naqqsu d-distakk għal 4-3 b’doppjetta ta’ Jokovic iżda Filipovic daħħal lil Neptunes 5-3 b’konklużjoni preċiża.

Il-Ġiljaniżi rnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ doppju permezz ta’ Aaron Younger u Maro Jokovic. Stevie Camilleri żamm lil Neptunes minn fuq iżda pronta kienet ir-risposta ta’ San Ġiljan permezz ta’ Nicholas Bugelli. Madankollu Neptunes kellhom tmiem mill-aqwa għat-tielet sessjoni u permezz ta’ doppjetta ta’ Muscat u gowl bejniethom ta’ Filipovic, bdew l-aħħar sessjoni 9-6.

Muscat kompla jkun effettiv fuq ix-xellug tal-attakk u kabbar id-distakk, b’Filipovic ineħħi kull dubju mir-rebħa għal Neptunes. Ben Plumpton naqqas id-distakk lejn it-tmiem.

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (1), A. Galea, B. Plumpton (1), M. Jokovic (4), M. Zammit, J. Bonavia, A. Younger (1), J. Abela, N. Zammit, D. Zammit, R. Caruana, G. Borg, G. Bonavia, K. Calleja

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), S. Gialanze, G. Pace, M. Castillo, J. Bajada, S. Camilleri (2), J. Camilleri, A. Ivovic (1), F. Filipovic (4), A. Fenech, E. Mallia, M. Rossi, d. Bugeja, A. Fava

Referees: Vittorio Frauenfelder, Massimo Angileri

SIRENS……………………… 11

MARSASKALA ESC…. 12

(2-3), (3-2), (2-3), (4-4)

Sirens tilfu opportunità tad-deheb li jilagħbu l-play-offs hekk kif sfaw megħluba minn Marsaskala ESC. Prestazzjoni deludenti minn Sirens li kien mistenni aktar minnhom f’logħba deċiżiva. B’hekk Valletta temmew fir-raba’ post. Għal Marsaskala, l-aħħar logħba fil-kampjonat dan l-istaġun fissret l-ewwel punti fil-Kampjonat Premier.

Marsaskala marru minn fuq għall-ewwel darba permezz ta’ Tamas Sedlmayerm u Edoardo Manzi li għamluhom 3-2. Sirens dawru r-riżultat parzjalment fit-tieni sessjoni sakemm Manzo għamel l-iskor 5-5.

Sirens ħadu vantaġġ ta’ gowl darbtejn iżda Marsaskala wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet, b’Jake Ciantar ipoġġi lit-tim ta’ Arpad Babay 8-7 minn fuq. Gowls ta’ Ken Erdogan u Jerome Zerafa Gregory poġġew lil Sirens 10-9 fil-vantaġġ fl-aħħar sessjoni.

Manzi u Daniel Tully taw vantaġġ ta’ gowl lil Marsaskala meta kien għada fadal madwar minuta. Pietro Figlioli ġab id-draw minn penalty, riżultat li xorta ma kienx biżżejjed għal Sirens. Madankollu fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Jake Ciantar skorja l-gowl tar-rebħa.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan (2), P. Figlioli (4), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (2), M. Chircop, G. Melillo, M. Cutajar, M. Pasztor (1), M. Sciberras, M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, J. Cachia, G. Sammut

Marsaskala: A. Muscat, J.C. Cutajar, G. Galea, P. Privitera, R. Greco, E. Manzi (4), K. Navarro, D. Tully (1), D. Pace Lupi, G. Sammut, J. Ciantar (4), M. Carani, J. Pace Mizzi, T. Sedlmayerm (3), F. Scardino

Referees: Vittorio Frauenfelder, Neville Mercieca

BIRŻEBBUĠA FREEPORT….. 23

MARSAXLOKK BROWN’S….. 7

(6-1), (8-2), (4-3), (5-1)

Punti massimi għal Birżebbuġa Freeport li aċċertaw li jibdew il-play-offs bħala l-ewwel tim klassifikat. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet fil-ġurnata kienet evidenti, hekk kif Marsaxlokk lagħbu mingħajr plejers barranin minħabba li Nikola Moskov kien sospiż filwaqt li Sasa Misic ingħata l-mistrieħ.

Birżebbuġa ħadu vantaġġ minn dan il-fatt u fetħu distakk ta’ 6-1 fl-ewwel sessjoni, b’doppjetti ta’ Balasz Erdelyi u Jacob Sciberras. L-istess żewġ plejers skorjaw tnejn oħra kull wieħed, b’Birżebbuġa saħansitra marru 12-1.

Iż-żewġ timijiet kienu jafu d-destin tagħhom, biż-żgħażagħ ta’ Marsaxlokk ilaħħqu aktar mal-avversarji li deċiżament naqqsu l-livell. Madankollu fl-aħħar sessjoni, Birżebbuġa kellhom il-ħin li jkabbru l-ħin, b’Sciberras jispikka b’doppjetta oħra.

Birżebbuġa: M. Sladden, P. Borg (4), N. Cassar, B. Grech, D. Brguljan (2), M. Manara, D. Cutajar (1), B. Erdelyi (6), K. Tanti, G. Mannino (2), M. Curmi (1), C.D. Borg, J. Sciberras (6), D. Farrugia

Marsaxlokk: Mi. Farrugia, C. Cutajar, B. Zammit, Ma. Farrugia, Sa. Mifsud (1), J. Valletta (1), M. Zammit, M. Aquilina, R. Galea (2), M. Lanzon, E. Bonnici, L. Mallia (2), Se. Mifsud, A. Cook, G. Gatt (1)

Referees: Alessandro Cavallini, Alex de Raffaele