Ungeriż ta’ 40 sena ġie kundannat sena ħabs mill-Maġistrat Brigitte Sultana wara li ammetta li fis-sigħat bikrin ta’ nhar it-Tnejn li għadda seraq ammont ta’ alkoħol minn club tad-divertiment li jinsab fil-Munxar, Għawdex.
Miklos Santa ammetta li fil-31 ta’ Lulju 2023, bejn l-12:45am u 2:00am, meta kien fi stabbiliment fi Triq ir-Rabat seraq munru ta’ fliexken tal-alkoħol, liema ammont ma jaqbiżx il-€232.94 għad-dannu tal-propjetarju.
Huwa ammetta wkoll li fl-istess data, ħin, post u ċirkostanzi xjentement irċieva jew xtara kwalunkwe proprjetà li tkun insterqet, applikata ħażin jew miksuba b’kull mezz ta’ xi reat, b’xi mod, ikun jista’ jbiegħ l-imsemmi xorb.
Kif ukoll li ħatt jew għamel ħsara lil jew fuq proprjetà mobbli liema danni ma jaqbżux il-€250 u li matul il-ġimg[at ta’ qabel f’Għawdex għex ħajja ta’ vagabond, bi ksur tal-liġi. Il-Qorti qieset il-fatt li Santa ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih fl-ewwel seduta.
Fir-rigward tal-piena din il-Qorti ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tal-akkużi miġjuba kontra l-imputat kif ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mal-Ġulizija u l-fatt li huwa wieġeb ħati f’dan l-istadju bikri ħafna tal-proċedimenti. Il-Qorti nnotat wkoll li l-oġġetti kollha misruqa ġew irkuprati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.


