Internazzjonali

Stati Uniti: Donald Trump akkużat dwar kumplott biex jinqaleb ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni Presidenzjali

L-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump, li diġà qed jiffaċċja akkużi dwar reati fuq livell federali, ‘il quddiem irid iwieġeb ukoll għal aġir relatat ma’ allegat kumplott biex jinqaleb ir-riżultat ‘demokratiku’ tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2020 li ntrebħet mill-President attwali, Joe Biden.

L-erba’ akkużi ġodda li tressqulu jinkludu sehem f’kumplott intiż biex iqarraq bil-poplu Amerikan permezz ta’ stqarrijiet ‘diżonesti’ u frodi fuq bażi politika.

Dawn l-akkużi qed isegwu l-inkjesta fit-tul dwar l-attakk mill-partitarji Repubblikani tal-eks President Amerikan fuq il-Capitol ta’ Washington…Attakk li seħħ fis-6 ta’ Jannar tal-2021 u li kien sewa l-ħajja ta’ sitt persuni fost xeni ta’ vjolenza u tensjoni li qatt ma dehru qabel fil-kapitali tal-Istati Uniti.

Sadanittant, Donald Trump qed ikun akkużat li dam aktar minn xahrejn ‘jiċċirkola l-gideb’ dwar l-elezzjoni tal-2020 u wara l-konferma tar-rebħa għal Biden.

Filwaqt li Trump, bħala total, qed jiffaċċja tliet każi kriminali separati, l-esperti qegħdin jgħidu li l-aħħar akkużi huma bil-wisq l-aktar serji u anki jistgħu jissarrfu f’perjodu twil ta’ ħabs għall-eks President jekk kemm-il darba hu jinstab ħati.

Dan meta Donald Trump – minbarra dawn l-akkużi — irid iwieġeb għall-allegazzjonijiet dwar reati finanzjarji kif ukoll dwar l-użu illegali ta’ dokumenti sensittivi tal-Gvern.

Fl-istess ħin, Trump spiċċa mixli b’attentati biex jostakola l-inkjesta relatata mal-allegati reati – u li fejn fost oħrajn tispikka l-akkuża li hu ħallas il-flus lill-attriċi pornografika Stormy Daniels biex hi żżomm ħalqha magħluq  dwar relazzjoni li hi kellha mal-eks President,

Minkejja dawn il-problemi legali kollha, Trump xorta waħda jibqa’ il-favorit assolut li jikseb in-nomina tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’Novembru tal-2024.

Min-naħa tiegħu Donald Trump qed ikompli jirribatti l-akkużi permezz tal-media soċjali u fejn jidher ukoll li hu mill-ġdid qed jipprova jqajjem dimostrazzjonijiet ta’ appoġġ fost il-partitarji ferventi tiegħu.

F’messaġġ partikulari li bagħat fuq it-Truth Social platform l-eks president qal li ‘qatt ma kellu appoġġ daqs illum’  waqt li fisser il-mandati legali kontra tiegħu bħala ‘bla preċedent fl-istorja’. Hu kompla b’dan it-ton aggressiv fejn qal li l-‘aħħar akkużi kontra tiegħu fetħu għajnejn id-dinja għall-korruzzjoni, l-iskandli u l-fallimenti li karatterizzaw il-ħajja u l-politika fl-Istati Uniti għal dawn it-tliet snin.’

Sadanittant, Donald Trump jinsab kuntent dwar l-indikazzjonijiet tal-aħħar stħarriġ popolari…Stħarriġ li juri li Trump, minbarra li hu l-aktar kandidat popolari mar-Repubblikani, jinsab ras-imb-ras mar-rivali kbir tiegħu — il-President Amerikan Joe Biden li mistenni  jikkuntesta għall-White House mill-ġdid fuq it-tikketta tal-Partit Demokratiku.