Lokali

Talba oħra lill-Kummissarju tal-Istandards biex jinvestiga lill-Ministru Clyde Caruana

Jgħid li ċ-Chairman ma jaqlax paga – imma jsir magħruf li jdawwar €124 fis-siegħa

€258,000 fis-sena. Daqshekk qiegħed idaħħal David Curmi, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta.

Dan ifisser li Clyde Caruana, l-istess Ministru tal-Finanzi li qed jappella lill-Gvern ta’ Abela sabiex jissikka ċ-ċintorin, gideb fil-Parlament dwar il-paga taċ-Chairman tal-AirMalta.

Fil-Parlament….Clyde Caruana kien irrifjuta li jgħid kemm qed jaqla’ paga David Curmi, u sussegwentament stqarr li ma rċieva ebda renumerazzjoni bħala Chairman Eżekuttiv.

Iżda issa ġie żvelat minn The Shift News li Curmi qed idawwar mal-€21,500 fix-xahar – aktar minn €4,900 fil-ġimgħa….ekwivalenti għal aktar minn €124 fis-siegħa.

F’mistoqsija parlamentari magħmula mid-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru Clyde Caruana kien saħaq li Curmi ma rċieva ebda remunerazzjoni; madanakollu minn talba skont il-Libertà għall-Informazzjoni li saret minn The Shift News ħarġu fatti li huma totalment il-kontra.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li pajjiżna m’għandux jaċċetta li Ministru jigdeb b’dan il-mod sfaċċat lill-poplu, u li dan l-aġir iqiegħed f’dubju kull stqarrija magħmula minnu… qiegħed jitlob lill-Kummissajru tal-Istandards sabiex jinvestiga lil Clyde Caruana. Hekk ukoll qiegħed jappella l-Professur Arnold Cassola għaliex jekk verament il-Ministru tal-Finanzi gideb – dan huwa aġir gravi.

Dan kollu fid-dawl tal-fatt li kwart tal-popolazzjoni Maltija qed tissielet fil-faqar, uħud ma jafux kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar…bil-Ministru mhux talli ħalla lil ta’ madwaru  jpappuha imma issa qed jigdeb fil-Parlament.

Għaldaqstant issa l-Kummissarju tal-Istandards għandu żewġ talbiet sabiex jinvestiga lill-Ministru Clyde Caruana li fl-aħħar 24 siegħa ttappnitlu l-integrità tiegħu bil-kbir.