Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Kwalifikazzjoni għall-Afrika t’Isfel u t-Taljani eliminati

(Ritratt: EPA)

Grupp G:

AFRIKA T’ISFEL………..3

ITALJA……………………..2

F’Wellington Regional Stadium, l-Afrika t’Isfel għelbu lit-Taljani biex kienu huma li avvanzaw għall-fażi li jmiss.

Mit-telfa ta’ 5-0 kontra l-Iżvezja, l-Italja ma setgħetx titlef dan il-konfront jekk riedet tgħaddi għall-fażi li jmiss, tragward li ma tlaħaqx u l-avventura tal-Azzure tieqaf hawn.

Kollox deher faċli fl-ewwel minuti u daqstant ieħor difficli għall-Italja fil-mument li kienu 2-1 minn taħt u wisq aktar mal-gowl fil-ħin miżjud li elimina lill-Italja mill-kompetizzjoni.

Wara biss 12-il minuta l-Italja marret fil-vantaġġ wara li minn penalty Arianna Caruso għelbet lil Kaylin Swart.

Minkejja li l-Italja kellha kontroll assolut tal-partita, fit-32 minuta auto gowl ta’ Benedetta Orsi għamel l-iskor 1-1, riżultat li biħ intemmet ukoll l-ewwel taqsima.

Bl-Afrika t’Isfel aktar fil-partita, fis-67 minuta marru saħansitra fil-vantaġġ. Azzjoni minn Thembi Kgatlana lejn Hildah Magaia li għelbet lil Durante. Reazzjoni immedjata mill-Italja li fl-74 minuta kisbet il-gowl tad-draw mill-ġdid permezz ta’ Arianna Caruso għat 2-2 minn azzjoni ta’ Ghirelli, riżultat li deher li kien biżżejjed għall-Italja.

Madankollu fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud minn azzjoni ta’ Magaia kienet Thembi Kgatlana li għamlet l-iskor 3-2 u poġġiet lil Afrika t’Isfel fir-rawnd li jmiss.