Matul ix-xahar ta’ Lulju, 21 persuna tilfu ħajjithom kaġun tas-sħana – b’nofs dan l-ammont ikunu vittmi li mietu fl-eqqel tal-kriżi tad-dawl. Fil-fatt, skont ċifri ppubblikati mit-Times, 11-il persuna mietu f’pajjiżna bejn it-22 u l-25 ta’ Lulju.
Il-Ħamis, dan il-ġurnal ippubblika n-numri li ingħatawlu mill-awtoritajet tas-saħħa fejn jidher illi dawn il-persuni tilfu ħajjithom, fost l-oħrajn, kawża ta’ dehydration jew hyperthermia; meta t-temperatura tal-ġisem tiżdied b’mod mhux normali.
L-eta tal-persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom varjat bejn 52 sena u 97 sena. Dan hekk kif l-anzjani huma ferm aktar vurnerabbli għas-sħana hekk kif ġisimhom ibati sabiex jadatta għal bidla immedjata fit-temperatura.
Dawn l-imwiet sinonimi ma’ kull sajf, għalkemm diversi esperti mediċi li tkellmu ma’ Net News qalulna li l-qtugħ tad-dawl żgur li kien fattur illi kompla grava s-sitwazzjoni fl-eqqel ta’ heatwave.
Fil-fatt, waqt ix-xahar ta’ Lulju pajjiżna kien qiegħed jaffaċċja temperaturi mill-aktar għoljin u għal diversi jiem eluf ta’ familji u anzjani kienu mingħajr il-provvista tal-elettriku. U f’xi waqtiet, anke qtugħ fil-provvista tal-ilma.
Apparti minn hekk, il-ħaddiema fl-isptar Mater Dei bdew isibuha diffiċli sabiex ilaħħqu mal-influss ta’ pazjenti fl-emerġenza. Dan hekk kif matul din il-kriżi nazzjonali l-persuni li ttieħdu l-emerġenza spiċċaw jistennew sigħat sabiex jingħataw kura medika.
Il-ġimgħa li għaddiet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Public Health Medicine appellat għal aktar riżorsi fis-settur tas-saħħa sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jingħata servizz aħjar b’inqas dewmien. L-istess għamlet l-Assoċjazzjoni tat-Tobba.
Sal-lum ħadd għadu ma refa’ responsabbiltà jew tal-inqas ħass il-bżonn li jagħmel apoloġija fil-konfront ta’ dawk il-persuni li sofrew l-effetti ta’ din il-kriżi nazzjonali. Bil-Partit Nazzjonalista jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Parlament fil-konfront ta’ Miriam Dalli għaliex ma kinitx kapaċi tindirizza b’mod xieraq in-nuqqasijiet li ġew ikkawżati bil-qtugħ tad-dawl.
//= $special ?>