Partijiet minn tliet ħitan, b’għoli ta’ kważi tliet metri, flimkien ma’ fdalijiet strutturali oħra, instabu waqt skavar ħdejn id-Domus Romana fir-Rabat.
Għalkemm l-evidenza tipponta lejn użu domestiku, dak li ġie skopert s’issa hu ftit wisq biex ikun ikkonfermat b’ċertezza li dawn il-fdalijiet huma parti minn dar. L-iskavi se jissoktaw is-sena d-dieħla biex jintefa’ aktar dawl fuq dak li nstab s’issa.
L-iskoperta saret dan is-sajf, waqt li kien qed isir skavar bħala parti mill-Proġett Melite Civitas Romana, li hu proġett internazzjonali ta’ riċerka ffokat fuq id-Domus Romana u l-inħawi ta’ madwarha. Il-proġett hu mmexxi minn Heritage Malta, b’David Cardona bħala r-rappreżentant tagħha u d-Direttur Ewlieni tal-proġett, b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Esplorazzjoni Diġitali (IDEX) mill-Università tan-Nofsinhar ta’ Florida, b’Davide Tanasi bħala Kodirettur, kif ukoll tim ta’ arkeologi Awstraljani u Ingliżi msejjaħ Intercontinental Archaeology, b’Robert Brrown, Andrew Wilkinson u Benedict Lowe bħala Kodiretturi.
L-ewwel nett, l-iskoperta tgħin biex wieħed jifhem aħjar l-iskavi li kienu saru f’din iż-żona minn Sir Temi Zammit bejn l-1920 u l-1925. It-tieni, tkompli żżid mat-tagħrif biex wieħed jifhem l-istrutturi ta’ dawn l-inħawi. Barra minn hekk, hija wkoll pass ieħor ’il quddiem biex wieħed jifhem is-sehem ta’ dawn l-istrutturi fil-ħajja ta’ kuljum u fil-mod kif kienet imqassma l-belt antika Rumana magħrufa bħala Melite.
Il-ħitan ġew skoperti f’żona fuq wara tad-Domus Romana iżda saru wkoll xogħlijiet f’żoni oħra, bi skoperti u stratigrafija li se jipprovdu aktar tagħrif dwar il-belt ta’ Melite, li l-evidenza dwarha hija skarsa u mferrxa.
F’żoni oħra, l-iskavi kellhom l-għan li jinstabu t-trinek li kien ħaffer Zammit, biex issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-interpretazzjonijiet li ngħataw mitt sena ilu. Dawn kollha qed jiġu mistħarrġa bir-reqqa u, aktar importanti minn hekk, qed jiġu dokumentati bl-użu ta’ metodoloġiji differenti, fosthom mezzi diġitali bħal skennjar 3D u fotogrammetrija.
Bħalissa s-sit hu parzjalment mgħotti bir-radam biex jiġi mħares mill-ħsara sakemm jibda l-istaġun ta’ skavar li jmiss fl-2024. Ladarba r-riċerka u d-dokumentazzjoni taż-żona jitlestew, Heritage Malta, flimkien ma’ sħabha fil-proġett, konservaturi u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jiddeċiedu x’inhu l-aħjar mod kif is-sit ikun protett.
Is-sejbiet kollha tal-Proġett Melite Civitas Romana se jiġu ppreżentati f’seminar pubbliku li hu ppjanat li jsir fl-istaġun tal-iskavi tal-2024.
//= $special ?>