Lokali

AĠĠORNATA: Iweġġa’ wara li tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’arblu

Raġel ta’ 39 sena residenti ż-Żejtun weġġa’ gravi wara li tilef il-kontroll tal-karozza u baqa’ dieħel f’arblu.

L-inċident seħħ il-Ħamis filgħodu ftit wara nofsillejl fi Triq il-Labour iż-Żejtun.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel kien qiegħed isuq Mazda Demio, tilef il-kontroll bil-konsegwenza li baqa’ dieħel f’arblu.

Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-aktar kura.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja