Lokali

Frustrazzjoni kbira minħabba l-proġett tal-pjazza tal-Mosta

Il-Mostin jinsabu rrabjati hekk kif fil-pjazza għad hemm taħwid kbir, zoni magħluqin, trab u konfużjoni. Dan kollu, hekk kif diġa’ ingħata bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-festa ta’ Santa Marija.

Ritratt: Matthew Tabone

Ix-xogħolijiet fil-pjazza tal-Mosta ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ mingħajr indikazzjoni ta’ meta dan il-proġett se jkunu lest; proġett li ilu għaddej mill-inqas sentejn, hekk kif il-festa tas-sena li għaddiet kienet għadha bi Triq il-Kbira nofs leħja.

Fuq il-midja soċjali r-residenti Mostin qed jinsistu li l-awtoritajiet ilhom ikarkru għal xhur sħaħ tant li fi kliemhom stess “il-lokalità tal-Mosta qatluha” hekk kif kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet in-nies qed jevitaw li jersqu lejn din il-lokalita.

Ħafna min-nies li kkummentaw qalu illi jifmhu li x-xogħol irid isir. Iżda sostnew li huwa inaċċettabbli li l-proġetti tat-toroq qed ikaxkru għal xhur sħaħ jew saħansitra s-snin.

Persuni oħra gergru fuq il-fatt li matul dawn l-aħħar xhur il-parkeġġ fil-Mosta sar impossibli bl-ammont ta’ toroq li ingħalqu għal xogħolijiet; apparti l-konġestjoni tat-traffiku li qed ikun hemm fil-Mosta.

Ħafna Mostin jinsabu ferm frustrati lejn is-Sindku tal-Mosta hekk kif fi kliemhom stess qed jitratta lin-nies qishom “dubbien”. Dan filwaqt li residenti li tkellmu magħna u bosta sidien ta’ ħwienet saħqu li ma jifilħux aktar bl-imġieba tas-Sindku li mhux jagħti kas l-appell tar-residenti.

Intant, kien hemm min ikkummenta fuq Facebook illi l-idea ta’ pavimentar jaf tkun falliment totali. Għaliex probabbilment se jiġri bħall-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, u jibda jisfronda kollox.