Futbol Sport

Ħamrun Spartans jirbħu wkoll fi Tbilisi u javvanzaw għat-Tielet Round tal-Europa Conference League

(Ritratt: Joseph Galea)

DINAMO TBILISI……………0 (1)

ĦAMRUN SPARTANS……1 (3)

Dinamo Tbilisi: G. Loria, G. Maisuradze (N. Mali 46′), S. Khvadagiani, A. Kalandadze, D. Kobouri (L. Lakvekheiliani 57′), A. Mekvabishvili, B. Osei (G. Moistrapishvili 57′), G. Kharaishvili, I. Omar, O. Camara (L. Odisharia 74′), Z. Marusic

Ħamrun Spartans: F. Marchetti, S. Borg, E. Marcelina, O. Bjelicic, J. Mbong (J. Corbalan 76′), E. Freitas (N. Krstic 57′), R. Prsa, E. Bruno (Y. Nenov 57′), R. Camenzuli, S. Pantsil (J. Roberts 76′), U. Djuranovic

Skorjaw: U. Djuranovic 45+2′ (Ħ)

Tkeċċa: U. Djuranovic 46′ (Ħ)

Referee: Viktor Shimusik (BLR)

Assistenti Referees: Sergei Kosovets u Siarhei Firynovich (BLR)

Bi prestazzjoni qalbiena u mill-aqwa fil-Ġorġja, Ħamrun Spartans għat-tieni darba għelbu liċ-Champions tal-pajjiż Dinamo Tbilisi b’rebħa ta’ 1-0 b’gowl ta’ Uros Djuranovic fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud tal-ewwel taqsima.

Ħamrun kellhom jilagħbu taqsima sħiħa bi plejer inqas hekk kif qabel ma’ ħarġu għat-tieni taqsima l-awtur tal-gowl Uros Djuranovic safa mkeċċi hekk kif jidher li kellu xi argument mal-kowċ tat-tim avversarju.

Minkejja bidu xi ftit dominanti minn Tbilisi, l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Ħamrun fis-27 minuta meta Ryan Camenzuli avvanza max-xellug u tefa’ kross fil-baxx lejn Uros Djurnanovic, bil-konklużjoni tal-plejer mill-Montenegro tkun blukkata mid-difiża u mir-rebound Camenzuli tefa’ mal-ġenb tax-xibka u f’goal kick.

Għaxar minuti wara Marchetti kellu jintervjeni meta minn azzjoni ta’ korner, il-ballun wasal fuq Khvadagiani iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu tkun ċentrali wisq u Marchetti jilqa’ tajjeb.

B’Ħamrun jieħdu l-kontroll tal-logħba, żewġ minuti fuq il-ħin regolamentari marru minn fuq. Kienet azzjoni li bdiet minn żball difensiv tal-avversarji, jisraq il-ballun Pantsil u jitfa’ kross fin-nofs fejn sab lil Uros Djuranovic li wara li kkontrolla spara fix-xibka għall-gowl tal-vantaġġ ferm importanti tal-Ispartans.

Daqqa ta’ ħarta għal Ħamrun Spartans hekk kif huma spiċċaw b’għaxra għal taqsima sħiħa meta tkeċċa għalihom l-awtur tal-gowl Uros Djuranovic wara li jidher li nqalgħu xi inċidenti fit-tunnel bejnu u bejn il-kowċ ta’ Dinamo Tbilisi Giorgi Chiabrishvili.

Bil-pressjoni kollha fuq Ħamrun, fis-66 minuta Marchetti kellu jerga’ jintervjeni b’diffikultà u laqa’ parzjalment ix-xutt ta’ Kharaishvili qabel mad-difiża tajret il-periklu.

Id-difiża tal-Ispartans baqgħet kompatta u l-avversarji kienu kostretti jipprovaw tentattivi mill-bogħod hekk kif is-superjorità numerika aktar ma’ jgħaddi ħin aktar bdiet tinħass. Fost dawn il-konklużjonijiet fit-82 minuta, s-sostitut Lasha Odisharia mar viċin ferm bix-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jħakkek mal-wieqfa b’Marchetti li deher megħlub.

Minuta wara Tbilisi jolqtu l-lasta permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ Kharaishvili li stampa mal-wieqfa.

Fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud Marchetti reġa’ kien strumentali meta laqa’ b’diffikultà x-xutt b’saħħtu ta’ Kalandadze.

Fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud ċans tad-deheb għal Dinamo Tbilisi l-ewwel minn daqqa ta’ ras ta’ Marusic li kienet milqugħa minn Marchetti biex mir-rebound Khariashvili ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-partita biex wara seba’ minuti ta’ ħin miżjud ir-referee mill-Belarus Viktor Shimusik saffar tmiem il-partita fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u l-mijiet ta’ supporters li telgħu il-Ġorġja jagħtu s-support lill-benjamini tagħhom.

Ritratti ta’ Joseph Galea