Lokali

AĠĠORNATA: Imut il-preżentatur ta’ Net FM Michael Treeby

Riċerka mill-kollega Ray Miceli

Jum ta’ niket għall-istazzjon Net FM wara li kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Michael Treeby illi għal snin twal kien wieħed mill-pilastri tal-istazzjon tar-radju, bil-programm tiegħu ta’ mużika Taljana.

L-aħbar tal-mewt ta’ Michael Treeby qanqlet mijjiet ta’ messaġġi ta’ kondoljanzi fuq il-media soċjali, fosthom mill-impjegati ta’ Net Media u eks kollegi tiegħu.

Anke l-Kap tal-PN Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Treeby bħala persuna li ħadem b’tant lealtà għall-istazzjon. “Jien li għandi għal qalbi l-mużika Taljana, u kont nieħu gost insegwi l-mod passjonali kif kien itella’ l-programmi tiegħu, kif baqa’ jagħmel sal-aħħar jiem.”

B’vuċi unika, Treeby kien ilu jippreżenta mal-istazzjon sa minn meta beda Radio 101 fl-1991. ‘ItaloMix’ kien il-programm li tul is-snin baqa’ sinonimu ma’ Michael Treeby; illi kien fost l-aktar persuni f’pajjiżna appasjonat tal-festival ta’ Sanremo.

Apparti l-mużika, hu kellu għal qalbu t-tagħlim. Tant li għal snin twal kien għalliem tal-Ġeografija, u mingħandu ħadu l-edukazzjoni tagħhom eluf ta’ studenti.

Treeby kien ukoll attivist u persuna li ma jiddejjaq xejn jitkellem apertament favur il-ġustizzja u l-verità.

Min kien Michael Treeby?

Trabba Raħal Ġdid f’familja li kienu erbat aħwa, tnejn akbar minnu u wieħed iżgħar minnu, meta kien għadu żagħżugħ mhux l-ewwel darba li anki kien jaħdem in-nar għall-festa. Iżda f’intervista li kont għamiltlu f’Novembru 2005, ftit aktar minn għaxar snin wara li żżewweġ lir-Rabtija Tanya xebba Attard, qalli li meta jkollok ir-responsabbiltà tal-familja – eventwalment kellhom ukoll żewġt ibniet (Katya u Martina), tibda aktar taħsibhom darbtejn l-affarijiet.

Minn Raħal Ġdid, fit-tmeninijiet sa meta żżewweġ kien joqgħod Gwardamanġa, filwaqt li wara li żżewweġ mar joqgħod Birkirkara.

Wara l-edukazzjoni fil-primarja ta’ Raħal Ġdid, fis-Seminarju fil-Furjana, l-Upper Secondary fil-Belt u wara fl-Università ta’ Malta, qabad il-karriera ta’ għalliem. Fiż-żmien li kien l-Università, laħaq iż-żmien tal-Iskeda Student-Ħaddiem, kien ukoll jipprattika l-isport, u minbarra l-football kien jieħu sehem ukoll il-basketball.

Bħala għalliem, l-ewwel post fejn kien assenjat kienet l-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-aktar li dam iżda fl-iskola fejn kien dan l-aħħar snin, il-Kulleġġ Santa Klara ta’ Pembroke. Is-suġġetti ewlenin tiegħu kienu t-Taljan u l-Ġografija.

Bosta kienu dawk li, minbarra li jsegwu l-programm tiegħu fuq NET FM, jieħdu wkoll gost bl-analiżi impekkabbli tal-Festival ta’ Sanremo li kien jikteb kull sena għal dan il-ġurnal mill-2017 sas-sena li għaddiet. Dirett fil-kummenti tiegħu, u ma joqgħodx idur mal-lewża, kien ukoll spiss jikkummenta fuq il-medja soċjali.

In-namra tiegħu minn dejjem kienet il-mużika Taljana, u jħobb dak kollu li hu Taljan: il-kultura, il-lingwa, il-football (supporter assidwu tal-Inter). L-ewwel snin, biex dejjem ikollu l-aħħar materjal li ħareġ, kien saħansitra jmur hu fiżikament biex jixtri d-diski peress li kienu jdumu ftit ma jasslu fil-ħwienet f’Malta. B’leħnu ċar u rpużat, u pronunzja tat-Taljan impekkabbli, kien jattira bosta semmiegħa.

Programmi oħra li ġieli preżenta jinkludu Klassifika Italia, Mare Mare, Sabato Sera u Nomi e Cognomi. Għal perjodu ta’ żmien anki kien ippreżenta l-breakfast show kull nhar ta’ Ħadd.