Lokali Parlament

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar ksur ta’ etika minn Michael Farrugia se jkun pubblikat

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar ksur ta’ etika mid-deputat Laburista u es Segretarju Parlamentari Michael Farrugia – li jitratta laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech li fiha allegatament kienet diskussa ż-żona tal-Imrieħel għal żvilupp ta’ torrijiet – se jkun pubblikat.

Dan ir-rapport kien diskuss illum f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-kumitat tmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia, għall-gvern ipparteċipaw il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u l-Whip Laburista Andy Ellul waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Mark Anthony Sammut u Ryan Callus.

Skont rapporti fil-media lokali (Malta Today) żvelati qabel ir-rapport kien diskuss fil-kumitat llum, qed jirriżulta li l-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li Michael Farrugia kiser il-kodiċi ta’ etika meta ta informazzjoni skorretta f’kummenti li għamel dwar kif l-Imrieħel kien inkluż bħala żona li fiha jistgħu jsiru torrijiet u bini ogħli.

Jirriżulta li fl-2014 kienet saret laqgħa f’Kastilja bejn Michael Farrugia u Yorgen Fenech, l-imprenditur li kellu interess fiż-żona biex jibni – kif fil-fatt għamel – torrijiet fl-Imrieħel. Dak iż-żmien Michael Farrugia kien is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards bdiet wara kummenti li kien ta Michael Farrugia lil The Times fejn kien ċaħad li l-laqgħa ma’ Yorgen Fenech kienet marbuta mal-policy dwar il-bini ogħli u torrijiet fl-Imrieħel. Jirriżulta wkoll li l-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li Michael Farrugia kellu jivverifika sew qabel jikkummenta mal-ġunali.

Punt importanti hu li l-laqgħa bejn Michael Farrugia u Yorgen Fenech saret propju dakinhar li l-istess Michael Farrugia informa lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar biex l-Imrieħel ikun inkluż bħala żoan li fiha jista’ jsir bini ogħli u torrijiet.

F’dak il-perjodu l-Awtorità tal-Ippajnar kienet qed tħejji l-policies dwar iż-żoni li fihom jista’ jsir bini ogħli. L-implikazzjoni wara din il-laqgħa kienet li din il-policy inbidlet propju wara l-laqgħa bejn Michael Farrugia u Yorgen Fenech.

Kemm Michael Farrugia kif ukol Johann Buttitieg, li kien Kap Eżekuttiv tal-Aworità tal-Ippjanar u li kien preżenti għal-laqgħa f’Kastilja, ċaħdu li fil-laqgħa ma’ Yorgen Fenech kienet diskussa l-policy dwar l-Imrieħel. Jidher li Buttigieg qed isostni li fil-laqgħa imsemmija kienet diskussa l-policy dwar ir-riklamazzjoni tal-art. Michael Farrugia jsostni li fil-kummenti li ta ma kienx qed jirriferi għall-kwistjoni tal-Imrieħel.

Skont ir-rapporti fil-media jidher li l-Kummissarju għall-Istandards m’aċċettax din l-ispjega ta’ Michael Farrugia u kkonkluda li kien hemm ksur ta’ etika minn Michael Farrugia.

L-ex Segretarju Parlamentari Laburista Michael Farrugia kien ikkummenta ma’ The Times sitt snin wara l-laqgħa tal-2014, fejn għall-ewwel kien ċaħad li kien attenda għal xi laqgħa dwar l-Imrieħel.

Fil-bidu tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika llum, l-Ispeaker Anġlu Farrugia rrifera għal ittra li kien kitiblu Michael Farrugia li fiha staqsa jekk ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards hux pubbiku għaliex dan kien diġà pubblikat f’sezzjoni tal-media. Michael Farrugia espriema d-diżappunt tiegħu li dan ir-rapport kien pubblikat qabel il-Kumitat għall-Istandards kien iltaqa’.

L-Ispeaker ukoll espriema d-diżappunt tiegħu li r-rapport kien pubblikat qabel kien diskuss.

Il-kumitat beda biex jiddiskuti jekk ir-rapport għandux ikun pubblikat kif ippropona l-Kummissarju għall-Istandards. Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-Oppożizzjoni taqbel li kull rapport li jmur quddiem il-kumitat għandu jkun pubblikat u għalhekk taqbel li dan ir-rapport għandu jkun pubblikat. Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard qal li l-gvern ukoll jaqbel li r-rapport ikun pubblikat.

Fl-ittra lill-Ispeaker, anki d-deputat Laburista Michael Farrugia nnifsu espriema opinjoni favur li r-rapport ikun pubblikat flimkien mal-ittra li hu bagħat lill-Ispeaker. Il-kumitat qabel li r-rapport ikun pubblikat. L-Oppożizzjoni qed titlob laqgħa inizjali mal-Kummissarju għall-Istandards u wara jissejjaħ id-deputat Laburista Michcael Farrugia.

Il-kumitat aġġorna għal data li fiha jkun jista’ jixhed il-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi.