Il-Ministru Clyde Caruana reġa’ inqabad f’gidba oħra wara li ilu jiem sħaħ jgħid li David Curmi, iċ-Chairperson tal-AirMalta, ma jitħallasx tal-pożizzjoni tiegħu fil-Bord tal-kumpanija. Biex issa sar magħruf li Curmi jdaħħal fil-but €10,000 addizjonali fis-sena.
L-ewwel darba, Clyde Caruana kien qal illi iċ-Chairperson David Curmi m’għandux renumerazzjoni.
Imbgħad it-tieni darba stqarr li Curmi jitħallas, imma jieħu pakkett ta’ madwar €21,500 fix-xahar bħala Chairperson u mhux għall-pożizzjoni tiegħu fil-Bord tal-linja tal-ajru.
Issa, fit-tielet tweġiba tiegħu lill-Ispeaker (li Net News kiseb kopja tagħha) Clyde Caruana qal li Curmi qed jieħu €10,000 bħad-Diretturi l-oħra tal-Bord.
Kellu jemmetti li gideb għax inqabad
F’post fuq Facebook, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi Clyde Caruana nqabad jigdeb mhux darba, imma darbtejn fuq l-istess ħaġa. Kellu jammetti li gideb għax inqabad.
L-ewwel qalilna li ċ-Chairperson tal-Air Malta mhux jitħallas, imbagħad meta nqabad qalilna li qed jitħallas imma mhux bħala Chairperson, issa għax reġa’ nqabad ammetta li kien qed jaqla’ paga ‘extra’ oħra wkoll bħala Chairperson tal-Bord tal-Air Malta.
Ma jistax ikollna Ministru tal-Finanzi li jinqabad jigdeb lilna lkoll fuq flusna stess
“Il-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern tal-gideb. Għandhom wisq x’jaħbu. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Int jixraqlek aħjar.”
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li pajjiżna m’għandux jaċċetta li Ministru jigdeb b’dan il-mod sfaċċat lill-poplu, u li dan l-aġir iqiegħed f’dubju kull stqarrija magħmula minnu, qiegħed jitlob lill-Kummissajru tal-Istandards sabiex jinvestiga lil Clyde Caruana. Hekk ukoll qiegħed jappella l-Professur Arnold Cassola għaliex jekk verament il-Ministru tal-Finanzi gideb – għaliex dan huwa aġir gravi.
