Rockestra 2023 se jkollu it-tema “More Than a Feeling” – kunċert li se jsir nhar is-Sibt 30 ta’ Settembru fl-MFCC.
Din se tkun l-aħħar edizzjoni ta’ Rockestra li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza ta’ George Vella… u għall-ewwel darba, id-Direttur Mużikali ta’ Rockestra se jkun is-Surmast Aurelio Belli.
Maestro Belli spjega illi anke hu, fl-aħħar snin, ibbenefika mill-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund, u b’Rockestra qed jagħti xi ħaġa lura wara l-għajnuna kbira li ngħata lilu fl-aktar perjodu diffiċli ta’ ħajtu minħabba l-marda tal-kanċer.
Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra Pawlu Borg Bonaci qal li Rockestra mhux biss huwa kunċert rock, imma huwa avveniment b’kawża ġusta li jiġbor fih nies minn sferi differenti.
Il-President George Vella minn naħa tiegħu radd ħajr lill-organizzaturi kif ukoll lill-Orkestra Filarmonika u lill-kantanti li għal darb’oħra qed jaħdmu qatigħ biex Rockestra jkun suċċess.
Il-kellim tal-PN Julie Zahra minn naħa tagħha tkellmet fuq ir-rwol tal-mużika biex iġġib in-nies flimkien u toffri ispirazzjoni u aspirazzjoni. Għalhekk, l-importanza tagħha bħala parti mill-arti u kultura ta’ kull pajjiż. Filwaqt li faħħret il-kawża wara Rockestra, appellat lill-pubbliku biex bħal kull sena jattendi bi ħġaru u filwaqt li jisma l-mużika favorita tiegħu ikun qiegħed jgħin lill-Malta Community Chest Fund li tant tagħmel ġid ma’ persuni u familji fil-bżonn.