Lokali

Kritika lejn il-politika ekonomika tal-Labour

Tkompli tikber il-kritika għall-pjan diżastruż li qed jimxi bih il-Gvern ta’ Robert Abela; mudell ekonomiku li suppost kellu joħloq il-ġid, iżda minflok spiċċa wassal għal effetti tal-biki li qed jolqtu direttament lill-familji u l-ħaddiema.

L-Editorjal tal-gazzetta ‘The Malta Business Weekly’ irrimarka kif il-kriżi nazzjonali tal-enerġija ma kinitx biss riżultat tat-tibdil fil-klima, iżda minħabba d-domanda kbira għall-elettriku. U dan kollu…kaġun taż-żieda kbira fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna, illi saret bla pjan.

Fil-fatt, iż-żieda ta’ 100,000 persuna fl-aħħar ftit snin kompliet timbotta lill-pajjiż lejn din il-kriżi.

L-Editur jgħid illi meta wieħed jara li minn dar ta’ 4 persuni…. illum il-ġurnata, fuq l-istess art, qed naraw blokka t’appartamenti li takkomoda madwar 35 persuna. Dan qed iwassal għal aktar domanda għas-servizzi essenzjali; domanda li pajjiżna ma jiflahx għaliha.

L-Editorjal spjega kif l-għaġla ta’ bla ħsieb mill-Gvern ta’ Robert Abela wasslet għal dan kollu, minflok il-Gvern ħares fit-tul.

U sadanittant, il-Ministru Miriam Dalli flimkien mal-membri Laburisti l-oħrajn għad m’għandhomx soluzzjoni għal dan kollu. Għajr illi appellaw lin-nies biex ma jixgħelux l-ACs fl-għeqqel ta’ din is-sħana.