Lokali Parlament

Michael Farrugia gideb u kiser il-Kodiċi ta’ Etika

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Il-Kummissarju għall-Istandards l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi ikkonkluda li d-deputat Laburista Michael Farrugia, li kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, naqas li jgħid is-sewwa u gideb f’kummenti li ta lill-media dwar laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech u li b’hekk kiser il-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari.

Dan jirriżulta minn rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li kien magħmul pubbliku llum mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandrds fil-Ħajja Pubblika. Il-każ idur kollu madwar laqgħa li Michael Farrugia kellu f’Kastlja ma’ Yorgen Fenech propju dakinhar li l-istess Michael Farrugia kien kiteb lill-Awtorità tal-Ippjanar għal tibdil fil-policies biex ikun possibbli li jsir bini ogħli fl-Imrieħel. Dan meta Yorgen Fenech kien imprenditur interessat li jibni torrijiet u bini ogħli fl-Imrieħel, kif fil fatt għamel.

Kien f’April 2020 meta Michael Farrugia ġie ffaċċja b’mistoqsijiet mingħand il-ġurnalista Jacob Borg dwar il-laqgħa li kellu ma’ Yorgen Fenech.

Il-Kummissarju għall-Istrandards ikkonkluda li Michael Farrugia gideb billi fil-21 ta’ April 2020 qal li qatt ma ltaqa’ ma’ Fenech f’Kastilja, imbagħad bidel il-verżjoni billi qal li kellu din il-laqgħa iżda ma tkellmux dwar l-Imrieħel u wara qal ukoll li kien il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni dwar il-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Highrises li ħa d-deċiżjoni relattiva dwar bidla fil-policy biex isir bini ogħli u torrijiet fl-Imrieħel. Il-fatti huma li ma kienx il-pubbliku li ppropona l-inklużjoni tal-Imrieħel fost iż-żoni fejn jista’ jitla’ bini għoli

L-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards trttat biss l-allegat gideb ta’ Michael Farrugia.

F’ittra lill-Kummissarju għall-Istandards waqt l-investigazzjonijiet, Michael Farrugia qal li meta kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech fil-5 ta’ Marzu 2014. Hu kien akkumpanjat minn Johann Buttigieg, li dak iż-żmien kien il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. Johann Buttigieg ġie mħarrek biex jixhed dwar din il-laqgħa fejn qal li l-kwistjoni tal-bini ogħli fl-Imrieel ma kinitx diskussa matulha.

Fl-ewwel dikjarazzjoni tiegħu, Michael Farrugia qal li qatt ma kellu laqgħa ma’ Yorgen Fenech dwar il-bini ogħli. Għalhekk hu ma kienx qed jgħid li ma kellux laqgħat ma’ Fenech iżda li ma kellux laqgħa miegħu fir-rigward tal-Imrieħel, qal il-Kummisarju għall-Istandards, li kompla li għalhekk – strettament – ma jistax jingħad li Farrugia biddel il-verżjoni tiegħu.

Dwar il-laqgħa bejn Michael Farrugia u Yorgen Fenech, l-unika persuna preżenti ma’ Michael Farrugia, għan-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, kien Johann Buttigieg, li kien Uffiċjal Eżekuttiv tal-Awtorità dak iż-żmien.

Meta xehed Buttigieg kien ċert li dakinhar ma ġiex diskuss il-bini ogħli iżda ġie diskuss pjan għar-reklamazzjoni li dwaru kienet qed issir konsultazzjoni ma’ diversi operaturi fis-settur.

Michael Farrugia akkuża lil Arnold Cassola, li ressaq l-ilment quddiem il-Kummissarju għall-Istandards, li qed iħawwad bejn il-kumitat tal-gvern li jevalwa policies biex jara jekk ikunx hemm bżonn ta’ direzzjoni politika u l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni fi ħdan il-Planning.

Michael Farrugia jgħid li l-kumitat tal-gvern kien kumitat interministerjali li kien iressaq direzzjoni strateġika tal-gvern dwar il-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar. Madankollu, fir-rapport tagħha tat-22 ta’ April 2020, it-Times of Malta tikkwota lil Farrugia li qal li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-Imrieħel ittieħdet minn kumitat li jevalwa l-policies wara konsultazzjoni pubblika.

Dawn il-kliem ma ġewx innegati minn Michael Farrugia u huma riferenza ċara għall-kumitat imsemmi minn Arnold Cassola. Jekk Cassola ġie żvijjat, seta’ ġie żvijjat mnn Michael Farrugia innifsu, sostna l-Kummissarju għall-Istandards.

Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards sostna li Michael Farrugia qal li kienu għaddew sitt snin minn meta seħħet il-kwistjoni meta irrisponda għall-mistoqsijiet fir-rigward. Kien għalhekk li messu ivverifika qabel ma ta tweġiba u wieħed jistenna li persuni f’karigi simili jagħmlu dan, sostna l-Kummissarju għall-Istandards, li kkonkluda li dan anke biex ma jispiċċawx huma stess f’sitwazzjonijiet ambigwi fil-perċezzjoni pubblika u ċirkostanzi simili juru l-importanza ta’ sistema regolamentata ta’ lobbying adattata.