Lokali

Riżultati tajbin, iżda hemm bozoz ħomor

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti preżentat ir-rapport annwali tagħha għal nofs is-sena, fejn irriżulta li bejn April u Ġunju l-Ajruport ta’ Malta rreġistra iżjed min 840,000 persuna… kważi 59,000 iżjed mir-rekord li ntlaħaq fl-2019.

Waqt konferenza li matulha ġew preżentati dawn ir-riżultati….il-President tal-MHRA Tony Zahra fakkar fl-importanza tas-suċċess fis-settur tat-turiżmu għall-ekonomija ta’ Malta; għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna tiddependi fuq it-turiżmu.

Hu għamel enfasi fuq il-bżonn li l-Gvern flimkien mas-settur privat jaħdmu flimkien fuq inizjattivi sabiex ikun hemm aktar sostennibilita.

Tony Zahra fakkar li minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, hemm bżonn naħdmu b’mentalita biex niġdu dak li hu aħjar u mhux sempliċiment numri akbar. Hu għamel referenza wkoll għall-bżonn ta’ infrastruttura moderna…. kif ukoll investiment fl-enerġija, toroq aħjar, u aktar indafa fit-toroq.

F’kummenti lil Net News, Zahra sostna li hemm bżonn li nsibu mod sabiex l-ekonomija timxi ‘l quddiem mingħajr il-ħtieġa li nisplodu l-popolazzjoni fin-numru tagħha.

Intant, l-istħarriġ tal-MHRA wera li it-turisti qegħdin jonfqu iżjed flus waqt il-btala tagħhom f’Malta, u l-lukandi irreġistraw profitti akbar fuq il-kmamar.

Irriżulta wkoll li t-turisti jippreferu joqgħodu f’lukandi milli tipi ta’ akkomodazzjonijiet oħrajn.

Preżenti waqt din il-laqgħa kien il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Turiżmu Mario De Marco.