Lokali Qorti

Sentejn ħabs wara li seraq flus minn pompa tal-petrol u sar reċidiv

Pier Paul Buttigieg ta’ 48 sena minn Birkirkara u li huwa magħruf sew mal-Pulizija fuq diversi reati ta’ serq ġie kkundannat sentejn ħabs mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li nstab ħati li fi Frar ta’ tliet snin ilu seraq flus kontanti minn pompa tal-petrol, seraq vettura u li sar reċidiv.

Buttigieg li ma jaħdimx u għandu problema tad-droga ta’ nstab ħati li fil-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Frar, 2020, bejn l-10.30pm u d-9am. fi Triq il-Koncissjoni, Zurrieq ikkommetta serq ta’ vettura tal-ghamla Maruti 800 u li għamlilha xi ħsarat.

Huwa nstab ħati wkoll li minn pompa tal-petrol li tinsab, fi Triq il-Mina ta’ Hompesch, Ħaż-Żabbar, ikkommetta serq ta’ flus kontanti minn go kaxxa tal-pompa tal-“car wash”, liema serq ma jeċċedix
l-€2,329.37 għad-dannu tal-propjetarju tal-pompa u li għamel ħsara fis-sistema tal-ħasil tal-karozzi.

Wara li semgħet ix-xhieda u l-provi l-Qorti qalet li mill-filmati tas-CCTV footage li ttieħed mill-pompa u mir-ritratti, tidher persuna li niżlet mill-karozza li kienet għadha kemm ġiet misruqa, fejn l-persuna dehret tuża għodda sabiex tiftaħ kaxxa tal-flus li kienet tintuża għal ‘car wash’.

Mill-istharriġ li sar fuq il-vettura misruqa u meta saret tfittxija fuq il-post fejn kien qiegħed jirisjedi l-imputat ma’ terzi, nstabu diversi għodda kif ukoll ħwejjeġ li kien liebes il-persuna li jidher fir-ritratti u s-‘CCTV footage’.

L-imputat ukoll stqarr li qed jaghraf lilu nnifsu mill-video, iżda ma’ kienx jaf għalfejn kien mar fil-post.
Il-Qorti wara li rat d-dokumenti kollha ppreżentati fl-atti proċesswali, semgħat ix-xhieda u rat il-provi mressqa, qalet li hija konvinta illi l-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront ta’ l-imputat ġew ppruvati sal-grad rikjest mill-Liġi.

Meta saret tfittxija l-imputat ma’ kienx fir-residenza imma kien hemm ċertu Matthew Migneco u Marisa Osthus. Fl-14 ta’ Dicembru 2020, Buttigieg kien mitkellem ġewwa l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, fejn kien iffirma r-rinunzja għall-jedd ghal parir legali u rrilaxxa stqarrija.

B’referenza għas-serqiet tal-karozza u kaxxa tal-flus minn ġewwa ‘car wash’, Pier Buttigieg, qal illi ma ftakar xejn u ma kellux idea li għamel dawn ir-reati, minkejja li kien ittieħed fuq il-post. L-imputat qal illi kellu problema tad-droga u l-memorja tiegħu ma kinitx tajba.

L-imputat kien ġie muri 12-il ritratt fejn l-imputat għall-ewwel qal illi l-persuna tixbħu imma ma kienx hu, u meta ġie muri l-filmat tac-CCTV tal-pompa tal-petrol qal illi mill-filmat jidher li kien hu. Il-ħwejjeġ li kien jidher li kien liebes fil-filmat, bħal barnuża b’xi marka u ħwejjeġ skuri, u gakketta partikolari b’xi logo, kienu nstabu meta saret it-tfittxija ġewwa residenza fiż-Żurrieq, fejn dakinhar kienet instabet ukoll xi
għodda.

Is-Surġent David Ellul kien qal li kien ħa r-rapport inizjali, fis-16 ta’ Frar 2020, fejn kien iffirma sa fejn kien involut hu. Ix-xhud kompla jgħid li wara kollegi tiegħu kienu marru fl-akwati taż-Żurrieq, fejn il-karozza kienet instabet f’Bubaqra, ż-Żurrieq.

Is-Surġent Malcolm Pace qal li kien qed ikollhom ħafna rapporti ta’ serq ta’ karozzi ġewwa ż-Żurrieq, u dawn jintużaw biex ssir xi reat u jinstabu pparkjati x’imkien ieħor. Fil-fatt x-xhud kien sab il-karozza fi Triq l-Imdawra, ż-Żurrieq, u din kienet miftuħa u dehret mqallba u bid-dashboard maqlugħ.

Is-sidien tal-karozza, koppja, kienet ikkonfermat li l-vettura tagħhom u li ma kinitx f’dan l-istat meta ipparkjawha. Fuq il-post kienu marru tas-SOCO, li komplew bl-istħarriġ tagħhom, u fuq is-seat ta’ wara kien hemm katnazz ta’ l-ghamla Abus li kien jidher maqtugħ, u li kellu ittra B fuqu.

Ix-xhud ippreżenta ritratt tal-katnazz u nstab ukoll ‘cutting disc’ tal-grinder taħt is-seat tax-xufier, u x-xhud ipprezenta xi uħud mid-discs li kienu jinsabu fil-karozza u kien innutat li kien hemm ħsarat ma’ l-‘ignition,’ u kellhom jagħmlu hot wire wiring’ biex tistartja l-vettura.

Pier Paul Buttigieg kien instat ħati kemm il-darba fil-passat fuq reati simili u kiser ukoll sentenza sospiża. Huwa ngħata diversi okkażjonijiet tal-Qorti iżda baqa’ jwettaq ir-reati. F’Awwissu ta’ sitt snin ilu huwa kien ukoll nstab ħati flimkien ma’ żewġt irġiel oħra li seraq flus kontanti minn ‘car wash’ ta’ pompa tal-petrol f’Ħaż-Żebbuġ u kien kkundannat sena ħabs u ngħata assistenza speċjali biex jegħleb il-vizzju tad-droga.