“Għadna mingħajr risposta. Għadna fil-għama. Kellna tama li għad-domandi tagħna kien se jkollna tweġiba, iżda l-inkjesta maġisterjali ngħalqet u sal-lum, 4 xhur wara t-traġedja li laqtitna, għadna ma nafux x’seħħ eżatt.”
Dan kien, u għadu, l-appell tal-qraba, ħbieb u partikolarment tal-mara tat-Tabib Mario Rizzo Naudi li fl-1 ta’ April li għadda tilef ħajtu traġikament – f’ċirkustanzi sal-lum misterjużi, waqt li kien qiegħed jingħata kura medika fl-Isptar Mater Dei.
Permezz ta’ post fuq Facebook martu Doriette insistiet li huma għadhom ma jafux l-eżitu tal-Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech – għaliex, minkejja t-talba tal-avukat tal-familja, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ma kkomunikat bl-ebda mod mal-qraba tat-Tabib Rizzo Naudi bil-għan li jkunu jafu l-konklużjonijiet tagħha.
Doriette Rizzo Naudi insistiet li huma għandhom dritt ikunu jafu biex miet Mario Rizzo Naudi – bid-domanda tibqa’ waħda – għalfejn iridu jżommu l-kawża tal-mewt tiegħu misteru?
Hi saħqet li l-qraba u l-ħbieb tat-tabib Rizzo Naudi jinsabu fil-limbu – ma jafux tilef ħajtu, meta suppost kien taħt għajnejn il-professjonisti. Dan filwaqt li appellat lill-ogħla istituzzjonijiet sabiex jagħtu widen – sabiex iwieġbu d-diversi domandi tagħhom – sabiex finalment issir ġustizzja vera ma’ Mario Rizzo Naudi.
L-istorja kollha tmur lura għall-għodwa tas-Sibt, 25 ta’ Marzu, meta martu sabitu mixħut id-dar f’għadira demm wara li allegatament waqa’ minn fuq sellum fil-garage tar-residenza tagħhom. Minn hemm huwa ttieħed permezz ta’ ambulanza fejn kien ġie ċċertifikat li kien ġarrab xi ġrieħi f’rasu.
Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li waqt li kien qiegħed jingħata kura fin-Neurosurgical Ward ġie ordnat sabiex hu jkollu attenzjoni one-on-one għal 24 siegħa minħabba kumplikazzjonijiet li seta’ jiżviluppa. Iżda wara ħamest’ijiem hu kien ġie rilaxxat mill-isptar.
Madanakollu t-tabib Rizzo Naudi kellu jiddaħħal lura l-isptar jum biss wara – fejn din id-darba jidher li hu ma tteħidx fis-sala li kien fiha qabel iżda f’sala oħra – bil-qraba tiegħu ma jafux jekk kellux l-attenzjoni meħtieġa ….kif ordnata mit-tobba. Tant hu hekk, li sagħtejn biss wara li selmulu u marru d-dar…kelliema mill-Isptar Mater Dei ċemplulhom biex imorru lura b’urġenza.
Hemm bdew joħorġu indikazzjonijiet li t-tabib Mario Rizzo Naudi allegatament waqa’ minn fuq is-sodda tal-isptar, u li allegatament l-istaff preżenti damu ma ndunaw b’dak li seħħ.
Minkejja kull tentattiv, it-tobba preżenti sfortunatament ma setgħux isalvawlu ħajtu; u Rizzo Naudi ħajtu wara li qalbu ma felħitx aktar għall-interventi li kienu qed isirulu.
Wara din it-traġedja…. u wara aktar minn 4 xhur ta’ misteri u domandi, il-qraba tat-Tabib Mario Rizzo Naudi għadhom ma jafux x’wassal biex hu waqa’ minn fuq is-sodda u aktar minn hekk ma jafux min kien responsabbli għal dan kollu.
Agħar minn hekk – ma jistgħux jifhmu għaliex l-Avukat Ġenerali donnha ma tridx li huma jkunu jafu l-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali – mingħajr tweġibiet għajr is-silenzju.
Il-familja qed tinsisti li għandhom bżonn risposti ċari, sabiex verament issir ġustizzja mat-tabib Mario Rizzo Naudi – li sal-lum iċ-ċirkustanzi tal-mewt tiegħu għadhom misterjużi.