Sport Sport Ieħor

Blackball: Malta se torganizza l-Kampjonat tad-Dinja 2024

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Blackball (IBF) ħabbar li Malta ntagħżlet sabiex torganizza l-ewwel kampjonati tad-Dinja matul l-2024.

Dan l-avveniment se jsir bejn it-2 u l-10 ta’ Novembru 2024. Fi stqarrija l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Blackball ikkonfermat din l-aħbar u qalet li tinsab lesta sabiex taħdem ma’ Malta u toffri esperjenza mill-aqwa lill-plejers li se jkunu qed jikkompetu għat-titlu ta’ champions tad-dinja. Fl-istqarrija ingħad ukoll li Malta dejjem ġabet riżultati tajbin f’dan l-isport kif mil-lat organizzattiv Malta se torganizza Kampjonati mill-aqwa.

F’kumment qasir, il-president tal-Malta Blackball Federation Philip Gatt laqa’ din l-aħbar u sostna li hu ta’ unur u privileġġ għal Malta li torganizza wieħed mill-aqwa avvenimenti mondjali f’dan l-isport. Gatt qal li wieħed mill-objettivi bħala federazzjoni se jkunu li juru s-sbuħija ta’ din il-logħba lil pubbliku Malti u fuq kollox il-plejers li se jieħdu sehem jiksbu l-aqwa esperjenza possibbli.