Ambjent Għawdex Lokali

ĊAMATA OĦRA GĦALL-GVERN: L-għaqdiet Għawdxin jgħidu li s-sitwazzjoni ambjentali tinsab “fi stat ta’ kriżi”

Seba’ entitajiet u stakeholders fi ħdan il-Forum Għal Għawdex u l-Professur Alex Torpiano, li attenda bħala konsulent tekniku, iltaqgħu mal-Prim Ministru u erba’ membri tal-Kabinett, Clyde Caruana, Miriam
Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Andy Ellul, nhar it-Tlieta 1 t‘Awwissu. Aktar kmieni din is-sena, il-Forum ippreżenta pjan ta’ 8 punti għal Għawdex imfassal biex jippromwovi l-kunċett t’arkitettura responsabbli,
biex jirrispetta il-qalba tradizzjonali ta’ kull raħal, żoni ta’ lqugħ madwar monumenti u bini skedat, il-linji u l-orizzonti tal-irħula, u l-ambjent kostali u rurali tal-gżira.

Mill-bidunett, l-istakeholders stqarrew b’mod ċar li s-sitwazzjoni ambjentali f’Għawdex kienet fi stat ta’ kriżi, b’konsegwenzi negattivi u inevitabbli li żvilupp żejjed qed iħalli fuq l-ekonomija, it-turiżmu u n-negozju. Il-gżira Għawdxija trid terġa’ taħsibha u tiddiversifika s-setturi ekonomiċi tagħha, peress li bħalissa hija dipendenti wisq fuq is-settur tal-kostruzzjoni u l-propjetà, meta mqabbla mal-gżira ewlenija ta’ Malta.

Wara t-tnedija tal-pjan t’azzjoni, l-istakeholders kellhom sensiela ta’ laqgħat intensivi u pożittivi. Saru diskussjonijiet mal-Ministru għal Għawdex kif ukoll mal-Ministru tal-Finanzi u dak ta’ l-Ippjanar. Għal
Għawdex kellhom ukoll laqgħa mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u l-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex (GRC). Saru laqgħat ukoll mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA). Il-GRDA pubblikament esprimiet qbil mal-biċċa l-kbira
tat-8 punti fi ħdan il-pjan, u pproponiet modi pożittivi biex tkompli tirfina r-riżultat li dawn il-miżuri se jkollhom.

Wara l-laqgħa ta’ nhar it-Tlieta, il-kelliem ta’ Għal Għawdex u Kap ta’ Din L-Art Ħelwa Għawdex, Godfrey Swain stqarr: “Aħna nilqgħu din il-laqgħa mal-Gvern iżda nibqgħu determinati li nimbuttaw għal soluzzjonijiet urġenti għall-mudell ekonomiku preżenti, u biex inwaqqfu l-kriżi li qed tħassar l-istil tal-ħajja, l-wirt u s-sbuħija ambjentali għal ħafna ġenerazzjonijiet ta’ Għawdxin, Maltin u barranin li jgħixu jew li jżuru l-gżira.”

Waqt il-laqgħa, il-presidenti tal-Gozo Business Chamber u tal-Gozo Tourism Association Joseph Borg u Paul Scicluna rispettivament, tkellmu dwar l-prospetti fit-tul tan-negozju u t-turiżmu f’Għawdex, u kif l-istat ta’ dawn qed jiddeterjora. Huma enfasizzaw il-konsegwenzi ta’ dipendenza eċċessiva fuq prattiċi mhux sostenibbli tal-industrija tal-kostruzzjoni; is-settur pubbliku mifqugħ li jwassal għal nuqqas ta’ talent lokali għall-impjiegi fis-settur privat; dipendenza eċċessiva fuq xogħol barrani rħis li jwassal għal deterjorazzjoni fil-livelli tas-servizz fit-turiżmu u l-industrija; l-ispejjeż dejjem jiżdiedu ta’ żvilupp żejjed li jwassal għal esperjenza negattiva fuq il-kwalità tat-turiżmu; u fuq il-prodott awtentiku Għawdxi bħala destinazzjoni unika u distinta minn Malta u kompetituri oħra.

Il-president tal-e-NGO Għawdix, Simone Azzopardi, esprimiet tħassib dwar it-telf kontinwu tal-uniċità Għawdxija, u appellat għal rieda politika biex il-policies tal-ippjanar jiġu allinjati mal-prijoritajiet ambjentali. Hi saħqet fuq il-ħtieġa assoluta t’ azzjoni urġenti li tipproteġi dak li fadal mill-irħula tradizzjonali Għawdxin u l-ambjent naturali. Il-President tal-Gozo University Group Christine Sultana tkellmet dwar l-eżodu dejjem jikber ta’ żgħażagħ Għawdxin lejn destinazzjonijiet barranin u lejn Malta minħabba n-nuqqas t’opportunitajiet ta’ negozji ġodda b’valur miżjud għoli f’Għawdex, kif ukoll opportunitajiet ta’ karrieri attraenti. Dan jwassal għal popolazzjoni li qed tixjieħ u staġnar ekonomiku fit-tul.

Il-Prim Ministru Robert Abela esprima l-opinjoni tal-gvern, u l-istakeholders impenjaw ruħhom f’diskussjoni intensiva. Temm billi esprima l-intenzjoni tal-Gvern li fil-Baġit li ġej jagħti prijorità lill-bżonnijiet ta’ Għawdex. Il-Forum rrikonoxxia u laqgħa il-wegħda tal-Gvern li jieħu azzjoni, u sostniet li bidla reali u pożittiva tista’ tinkiseb biss jekk jittieħdu u jiġu implimentati deċiżjonijiet urġenti, robusti u tanġibbli fejn tidħol il-politika tal-ippjanar u l-mudell ekonomiku preżenti sa qabel tmiem is-sena.

Il-Forum Għal Għawdex huwa magħmul minn ENGOs Din L-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix u Wirt Għawdex li jirrappreżentaw il-vuċi tal-ambjent u l-patrimonju f’Għawdex, il-Gozo Business Chamber u l-Gozo Tourism Association li jirrappreżentaw il-vuċi tan-negozju u t-turiżmu Għawdxi, ilKunsill Reġjonali ta’ Għawdex li jirrappreżenta l-14-il kunsill lokali u l-komunitajiet kollha ta’ Għawdex u l-Gozo University Group li jirrappreżenta liż-żgħażagħ u l-futur ta’ Għawdex