Lokali

CareMalta Group jiċċelebra 30 sena mill-ftuħ tal-ewwel dar għall-anzjan

CareMalta Group iċċelebra it-30 anniversarju, fl-1 ta’ Awwissu, waqt attività organizzata f’Casa Arkati, il-Mosta, bis-sehem ta’ residenti, ħaddiema u t-tim tat-tmexxija tal-kumpanija. Dawn it-30 sena għal CareMalta Group fissru snin ta’ ħidma u investiment fis-settur ta’ residenzi u kura għall-anzjani, li matulhom dejjem inżammet fiċ-ċentru l-imħabba li bih għandu jingħata s-servizz lill-anzjani fid-djar kollha ta’ CareMalta u HILA.

Tlettin sena ilu, is-Sur Nazzareno Vassallo, il-fundatur ta’ Vassallo Group, li fih iħaddem il-CareMalta Group, fost kumpaniji oħra, ried li jibni xi ħaġa li l-ħsieb warajha jkun wieħed soċjali. Wara ħafna xogħol u studji, kien propju fl-1 ta’ Awwissu tal-1993 li nfetħet l-ewwel dar privata għall-anzjani fil-Mosta – Casa Arkati. Permezz ta’ Casa Arkati, il-kumpanija CareMalta, li dak iż-żmien kien jisimha Healthcare Services Limited, irnexxielha toħloq mudell ta’ kura innovattiv u li stabilixxa livell għoli ta’ kura fis-settur, li dejjem baqa’ jiġi aġġornat skont iż-żminijiet.

Fl-2016 imbgħad CareMalta firxet is-servizz tagħha bħala grupp fil-qasam tal-kura għas-saħħa mentali u d-diżabilità permezz tal-kumpanija HILA li toffri servizz ta’ kura spejalizzata u li permezz tagħha il-persuni jiġu iggwidati biex jiżviluppaw il-massimu tal-abbiltajiet tagħhom.

F’diskors li għamel matul is-serata, il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta Group, James Sciriha, iddeskriva l-aħħar 30 sena bħala suċċess, mimlija b’dedikazzjoni, innovazzjoni, kompassjoni, profesjonalità u fuq kollox 30 sena li matulhom ġie offrut servizz ta’ eċċellenza.

“Inħares ‘il quddiem sabiex il-vjaġġ ta’ CareMalta Group jikber u jissaħħaħ billi s-servizzi li noffru, nestenduhom anke f’Għawdex permezz ta’ Dar San Guzepp f’Għajnsielem, l-Astra, proġett ieħor ta’ HILA Homes, fir-Rabat Għawdex u Dar Sant’ Anna, proġett ieħor b’servizz ġdid fl-Isla”.

Minn naħa tagħha ċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia, fid-diskors tagħha spjegat kif “is-sbuħija ta’ anniversarju bħal dan, hija, li dan l-anniversarju m’huwiex perla li żammejnijha għalina biss, imma permezz tal-kura tagħna, għamilna impatt fuq tant u tant persuni u familji”. Natalie Briffa Farrugia semmiet kif bħala djar ta’ CareMalta Group, jinsabu hemm kemm għal dak l-anzjan li fiż-żmien tiegħu hawn kien imdawwar b’familja kbira, kif ukoll għal dak ir-resident

jew residenta li probabbli, l-unika tgħanniqa fil-ħajja tagħhom, ħaduha mingħand il-carer li rnexxiela tersaq qrib, bħala parti mir-rutina ta’ kuljum.

Iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group temmet tgħid li flimkien bħala tim ta’ tmexxija, l-ħaddiema flimkien mar-residenti u bl-appoġġ tal-familji tagħhom, jistgħu jiksbu aktar suċċess fis-snin li ġejjin.

Fuq mhedda ta’ tletin sena, CareMalta Group fetaħ 13-il dar ta’ kura, b’ 5 minnhom idjar għal persuni b’diżabilità u bi sfidi ta’ saħħa mentali, biex b’kollox jilqa’aktar minn 1,600 resident u klijent u jimpjega aktar minn 1,200 ħaddiem.

Sabiex ikun iċċelebrat dan l-anniversarju, mill-bidu ta’ din is-sena bdew jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet li jkomplu jpoġġu fiċ-ċentru lir-residenti ta’ CareMalta Group imma fuq kollox anke lill-ħaddiema li bid-dedikazzjoni u l-imħabba tagħhom lejn is-servizz li jagħtu, jagħmlu lil CareMalta Group kumpanija ta’ suċċess.