Lokali

“Għandna Avukat Ġenerali dgħajfa”

Huwa inaċċettabbli li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu Avukat Ġenerali li tidher dgħajfa, inkompetenti u li f’diversi okkażjonijiet m’għamiltx xogħolha skont il-liġi.

Dan intqal fl-editorjal tal-Ġimgħa tal-ġurnal Times of Malta, illi kompla qajjem tħassib dwar l-aġir tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg – u l-mod kif imxiet fl-aħħar snin.

L-editur semma diversi sitwazzjonijiet fejn Victoria Buttigieg naqset li tgaħmel xogħolha sabiex issir ġustizzja. Fejn waħda mill-agħar jekk mhux l-agħar kwistjoni kienet dik meta fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia l-Maġistrat indikat li Victoria Buttigieg – li dak iż-żmien kienet Deputat Avukat Ġenerali – poġġiet l-interessi tal-Gvern qabel l-interessi tal-istat fis-saga tal-Electrogas.

Apparti minn hekk Victoria Buttigieg allegatament orkestrat xenarju sabiex il-u-turn ta’ Robert Abela dwar Inkjesta Pubblika rigward it-traġedja ta’ Jean Paul Sofia tkun tidher ġustifikata.

L-editur sostna li Victoria Buttigieg qed tonqos minn dmirijietha bħala Avukat Ġenerali sabiex tipproċedi kif tirrikjedi l-liġi. Dan meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu responsabbiltà kruċjali.

L-editur innota l-aġir inkwetanti ta’ Buttigieg fil-konfront ta’ materji ferm sensittivi; u r-responsabbilta’ għandha taqa’ fuqha personali u mhux fuq l-Uffiċċju li tirrappreżenta.

Il-Partit Nazzjonalista appella kemm-il darba sabiex l-Avukat Ġenerali terfa’ responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet.