Lokali

“Għinuna ngħinu lil ibni” – appell mill-familja ta’ Andrea Calleja

“Nitolbukom tkomplu tgħinuna – sabiex Andrea jingħata s-sostenn kollu meħtieġ hekk kif qed iħabbat wiċċu ma’ sfida li ġiet fuqu u fuq qrabatu bħal sajjetta fil-bnazzi”.

Hekk sostnew il-qraba ta’ Andrea Calleja, iż-żagħżugħ ta’ 31 sena li lura f’Ottubru li għadda ndarab serjament waqt l-attività The Grid; attività sportiva li kienet qed issir fiż-żona ta’ Għajn Tuffieħa.

Andrea weġġa’ serjament is-sinsla ta’ dahru waqt din l-attivita – inċident li wassal sabiex dan iż-żagħżugħ spiċċa parzjalment ipparalizzat; għalkemm jinsab determinat li jerġa’ jikseb l-indipendenza.

Preżentament Andrea qiegħed jingħata kura fi sptar f’Ruma fejn wettaq progress fuq il-parti ta’ fuq ta’ ġismu, b’movimenti f’dirajgħ it-tnejn. Madanakollu, sfortunatament għadu mhux qed jagħmel movimenti f’riġlejh it-tnejn.

Minkejja din l-isfida…u kull ċirkustanza li ġġib magħha, Andrea mhux qed jaqta’ qalbu – b’determinazzjoni u kuraġġ liema bħalha.

Net News tkellem ma’ Antoni, missier Andrea Calleja, illi spjegalna li ibnu qed jagħmel progress, madanakollu spjega li t-triq għadha waħda twila.

Id-determinazzjoni ta’ Andrea qed twasslu sabiex jipprova proċedura innovattiva; proċedura li preżentament mhux qed issir fl-Ewropa iżda fost oħrajn qed titwettaq fit-Tajlandja..proċedura li tista’ twassal sabiex ikollu lura l-movimenti mill-qgħadd ‘l isfel.

Fuq il-paġna ta’ Facebook Andrea Calleja Fundraising – paġna li infetħet bħala sostenn u għajnuna għal kawża ta’ Andrea – ġie spjegat li din il-proċedura tiswa’ mal-€150,000 u għalhekk Andrea għandu bżonn aktar għajnuna.

7 ġimgħat ta’ rijabilitazzjoni intensiva sabiex Andrea Calleja, bil-kuraġġ tiegħu u l-qalb kbira tal-poplu, ikun jista’ jagħmel l-avvanzi li determinat li jikseb.