Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Bastiment tar-Russi attakkat u milqut minn ‘sea drone’

Filwaqt li l-Ukrajna qed tinsisti bl-attakki fuq il-qawwiet Russi fl-artijiet tagħha, kibret ukoll id-dimsensjoni tal-konflitt relatat mal-aspett navali… Dan meta l-qawwiet tal-baħar Ukreni attakkaw l-inħawi qrib il-port ta’ Novorossiyek, fir-Russja, bir-riżultat li bastiment tal-gwerra tal-Kremlin ġarrab il-ħsarat li kapaċi huma sinifikanti.

Il-port ta’ Novorossiyek iservi bħala hub ewlieni għall-esportazzjoni tal-materjal mir-Russja u l-azzjoni – li fiha ntużaw id-drones speċjalizzati għall-attakki minn fuq il-baħar – enfasizzat it-twissija tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, li l-gwerra fl-Ukrajna issa qed tinfirex aktar lejn ir-Russja.

Il-konflitt fl-Ukrajna dalwaqt jagħlaq sena u nofs iżda fl-aħħar xhur kien hemm indikazzjonijiet ta’ żviluppi pożittivi għall-Ukreni. Dan minkejja li r-Russi xorta għadhom qed iwettqu l-attakki bil-missili u d-drones fuq l-ibliet u z-zoni residenzjali tal-Ukreni.

Intant, u waqt Zelensky li qed jissuġġerixxi l-possibbiltà ta’ summit għall-paċi mar-Russja, ma jidhirx li l-Ukreni jew ir-Russi huma partikularment ħerqanin biex ifasslu l-kundizzjonijiet għas-summit – li fi kliem Zelensky ‘kapaċi jsir f’xi żmien matul il-Ħarifa’.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li rnexxielu jxejjen ‘il-pjan militari’ tal-Ukreni li użaw is-sea drones għall-attakki diretti fuq il-port ta’ Novorossiyek. Il-kelliema f’Moska, sadanittant, ma ammettewx li l-bastiment kien spiċċa milqut minn talanqas wieħed mid-drones.

Madankollu, is-sorsi viċin is-servizzi sigrieti Ukreni qalu li l-bastiment – identifikat bħala l- Olenegorsky Gornyak – ġarrab il-qilla ta’ splużjoni minn drone li kien qed iġorr xi 450 kilogramma ta’ dinamita.

L-Olenegorsky Gornyak iservi l-funzjoni ta’ landing ship li jwassal lis-suldati u l-vetturi armati qrib ħafna tax-xatt għal xi azzjoni ta’ gwerra. Fl-istess ħin, dan il-mudell ta’ vapur hu anki attrezzat biex jgħabbi l-merkanzija u diversi tipi ta’ materjal mill-portijiet.

Għaldaqstant, kwalunkwe ħsarat li seta’ sofra dan il-bastiment kapaċi jaffettwaw ħażin lill-isforzi tar-Russja biex twassal il-provvisti lill-qawwiet tagħha li qed jiġġieldu kontra t-truppi ta’ Zelensky fin-nofsinar tal-Ukrajna li għadu okkupat mill-Armata tal-Kremlin.

Jista hu wkoll sinifikanti l-fatt li l-port ta’ Novorossiysk, wara l-attakk, issospenda l-movimenti tal-bastmenti għal żmien temporanju – u li kapaċi jindika li l-bastiment inkwistjoni kellu jitneħħa mis-servizz.