Internazzjonali

Il-klima: Inkwiet dwar l-effett tal-global warming għall-oċeani tad-dinja

Is-sħana tal-oċeani issa għaddiet ir-rekord stabbilit ftit tas-snin ilu b’riżultat tal-global warming u meta dan il-fenomenu qed jitqies bħala wieħed li għandu jħalli l-konsegwenzi gravi għad-dinja.

Il-medja tat-temperaturi tal-baħar fuq livell globali fl-aħħar sigħat kienet irreġistrata ogħla mir-rekord twaqqaf fl-2016 – dejjem skont is-servizz Copernicus tal-Unjoni Ewropea li jservi bħala barometru ewlieni għall-bidliet fil-klima.

Il-livell tas-sħana tal-oċeani intant hu reġistrat mal-20.96 gradi Celsius li hu ħafna ogħla mill-medja għal dan iż-żmien tas-sena. U l-implikazzjonijiet ta’ dan qed iħassbu lill-esperti peress li l-oċeani huma regolaturi kruċjali għall-klima peress li jassorbu s-sħana u jipproduċu nofs l-ossiġinu tad-dinja.

Fl-istess ħin l-oċeani jaffettwaw ukoll ix-xejriet tat-temp madwar id-dinja u l-fenomenu tas-sħana attwali kapaċi anki jaċċellera t-tidwib tas-silġ akkumulat fl-ogħla zoni tad-dinja – bl-ilma sussegwenti jżid il-livelli tal-oċeani u l-ibħra tad-dinja.