Joseph Azzopardi, Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika rrakkomanda lill-Gvern sabiex il-linji gwida dwar ir-riklami tal-Gvern li nħarġu mill-uffiċċju tiegħu sentejn ilu….isiru parti mil-liġi.
Wara li l-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja pubblika – mmexxi mill-Ispeaker Anġlu Farrugia ma qabilx mar-rapport tal-Kummissarju preċedenti George Hyzler – jidher li hemm il-bżonn li dawn il-linji gwida jiddaħħlu fil-liġi.
Dan għaliex fil-konsiderazzjonjiet li kien ħa Anġlu Farrugia – b’rabta ma riklam maħruġ minn Ministru – l-Ispeaker kien qal li ma setgħax jaqbel mar-rapport li kkonkluda li dawn ir-riklami kienu jirrappreżentaw ksur ta’ etika – għas-sempliċi raġuni li ma kellhomx bażi legali.
Għaldaqstant il-Kummissarju Azzopardi insista li l-Kumitat la hu lest jistrieħ fuq il-kodiċi ta’ etika ministerjali u lanqas ma huwa lest jirreferi għal-linji gwida huwa u jikkunsidra allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ etika marbuta ma’ riklami mħallsa minn fondi pubbliċi.
B’hekk il-Kumitat effettivament ħoloq sitwazzjoni fejn huwa ma jistax jieħu azzjoni kontra tali ksur. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi indirizzata b’urġenza.
Huwa kompla jisħaq li dan kollu jelimina kull dubju dwar il-validità ta’ dawn il-linji gwida.
Intant, issa l-kumitat irid jieħu deċiżjoni dwar dan.