Lokali

Il-President ta’ Malta jżur l-aħħar preparazzjonijiet tal-Ballu tal-Qamar t’Awwissu f’Palazz Verdala

Il-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura Vella żaru l-aħħar preparamenti qabel is-Sibt jittella’ l-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu; avveniment annwali li ilu jsir għal madwar 50 sena.

Din se tkun il-ħames u l-aħħar edizzjoni tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu li qed tiġi organizzata taħt il-Presidenza ta’ George Vella b’risq The Malta Community Chest Fund.

Il-President Vella fakkar li dan l-avveniment, li issa daħal sew fil-kalendarju tal-Presidenza, huwa wieħed mill-ikbar avvenimenti li jsiru matul is-sena biex jinġabru fondi għall- Malta Community Chest Fund.

Madwar 700 persuna, ta’ kull sena, jirrikorru għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund; fost l-oħrajn għal xiri ta’ mediċini u meta jsiefru barra għall-kura, bl-ispejjeż ta’ pazjent wieħed kapaċi jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, li ilu mat-30 sena f’dan il-Kumitat, spjega ma’ Net News kemm dan il-ballu jirrekjedi preparazzjonijiet.

Iżda minkejja x-xogħol kollu, l-akbar sodisfazzjon jibqa’ l-ħsieb nobbli wara attivitajiet bħal dawn.

Ritratti: Martin Agius