Il-problema tal-iskart fil-lokalità tas-Swieqi laħqet livelli inkrontrollabbli. Bl-awtoritajiet jibqgħu ma jieħdu ebda azzjoni.
Jekk tmur lejn il-lokalità tas-Swieqi f’kull kantuniera sirt issib muntanja skart li jinġema; għaliex ħafna nies qed joħorġu l-boroż fil-ġurnata żbaljata jew joħorġu l-iskart tard wisq, bil-konsegwenza li dan jispiċċa jagħmel sigħat sħaħ fit-triq. Apparti minn hekk, il-problema tant eskalat li it-telqa sirt taraha kullimkien; minn għamara mitluqa fit-toroq sa oġġetti kbar li jitħallew fuq il-bankini.
Minn naħa tiegħu, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal li l-Kunsill qed jispiċċa jidher dgħajjef quddiem din is-sitwazzjoni hekk kif in-nies qed jippuntaw subgħajhom lejhom; meta fir-realtà din il-problema eskalat daqshekk għaliex il-Gvern ma ħa l-ebda azzjoni matul is-snin.
Noel Muscat qal li din il-problema ilha għaddejja minn Novembru tal-2016 filwaqt li appella sabiex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni konkreta u b’mod immedjat.
Huwa qal li r-residenti tas-Swieqi huma mxebba bl-aġir ta’ dawn in-nies li qed joħorġu l-iskart barra x’ħin ifettlilhom bil-konsegwenza li l-lokalita tas-Swieqi spiċċat f’telqa kbira, bi ħmieġ kullimkien. Noel Muscat sostna li mingħajr l-azzjoni meħtieġa din is-sitwazzjoni ta’ telqa se tkompli tikber hekk kif in-nies jafu li mhu ħa jeħlu xejn jekk jibqgħu joħorġu l-iskart x’ħin iridu.
Noel Muscat qal li ilu jiġri wara l-awtoritajiet kif ukoll ippreżenta soluzzjonijiet varji bit-tama li din il-problema tant gravi tibda tissolva. Iżda sal-lum għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni, bis-Sindku jibgħat email il-Ġimgħa filgħodu stess.
Barra minn hekk, il-Ħamis il-Kunsill Lokali suppost kellu skedata laqgħa mal-ERA u mal-MTA; laqgħa li spiċċat tħassret fl-aħħar ħin.
//= $special ?>