Knisja Lokali

Ittra ta’ San Injazju ta’ Loyola rrestawrata u ppreżentata lill-Mużew tal-Katidral tal-Imdina

Il-Laboratorju tal-Konservazzjoni tal-Arkivju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta rrestawra b’reqqa ittra attribwita lil San Injazju ta’ Loyola, fundatur tal-Ġiżwiti, u ppreżentaha lill-Mużew tal-Katidral fl-Imdina. L-ittra, li nkitbet bejn l-1548-1549, hija marbuta mat-twaqqif tal-kulleġġ u l-università tal-Ġiżwiti f’Messina.

Il-Ġiżwiti f’Malta rċevew din l-ittra imprezzabbli flimkien ma’ dokumenti oħrajn li jiddokumentaw it-tixrid ta’ din l-ittra, mingħand il-Provinċja Ġiżwita ta’ Sqallija. Dawn ġew issiġġillati f’relikwarju u mpoġġija fil-qalba tal-knisja tagħhom fil-Collegium Melitense fil-Belt Valletta. Ir-relikwarju nfetaħ għall-ewwel darba fl-1995 mill-istoriku Mons. Vincent Borg. Fil-kapaċità tiegħu ta’ President tal-Kummissjoni Kapitulari tal-Mużew tal-Katidral, Mons. Borg kiseb il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi biex ir-relikwarju jitpoġġa fil-Mużew tal-Imdina sabiex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku u mill-istudjużi.

Matul ix-xhur li għaddew sar xogħol metikoluż ta’ restawr fil-Laboratorju tal-Konservazzjoni tal-Arkivju Djoċesan sabiex dawn id-dokumenti prezzjużi jiġu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Lil hinn mill-importanza spiritwali bħala relikwa assoċjata ma’ San Injazju ta’ Loyola u miżmuma b’għożża għal kważi erba’ sekli, l-ittra turi b’mod ċar il-ħsieb li l-formazzjoni akkademika soda hija għodda meħtieġa għall-evanġelizzazzjoni.