Fost dawk li qed isejħu għar-revoka tal-Istedina hemm l-Moviment Graffitti, l-MGRM u Marie Louise Coleiro Preca
Numru ta’ għaqdiet Maltin appellaw formalment lis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, kif ukoll lill-Allied Rainbow Communities (li qed jorganizzaw il-Malta EuroPride) biex jesprimu d-diżappunt u r-rabja tagħhom għall-istedina li saret lil Netta Barzilai biex tippartċipa fil-kunċert tal-EuroPride.
Il-Moviment Graffitti, flimkien mal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, l-MGRM, aditus u Żmnijietna – Leħen ix-Xellug – saħqu li l-istedina ta’ Netta tmur kontra l-valuri kollha li tirrappreżenta l-Pride.
Huma insistew li Netta hija kantanta sostenitriċi tal-istat t’Apartheid Iżraeljan u regolarment ipparteċipat fl-isforzi tal-istat Iżraeljan sabiex jgħatti l-oppressjoni, il-qtil u tkeċċija sistematika tal-Palestinjani minn arthom sabiex ipinġi lilu nnifsu bħala stat liberu u demokratiku.
L-organizzazzjonijiet tennew li l-fatt li Netta Barzilai inzertat ċittadina Iżraeljana mhijiex ir-raġuni għaliex ma kellhiex tiġi mistiedna għal dan il-kunċert. Ħadd m’għandu jiġi penalizzat għaliex huwa ċittadin ta’ xi pajjiż jew ieħor. Iżda Netta Barzilai ta’ spiss ħadet sehem f’inizjattivi organizzati mill-istat Iżraeljan barra mill-Iżrael, f’inizjattivi li jiċċeleberaw it-tkeċċija tal-Palestinjani minn arthom, u f’kunċerti tal-lemin estrem. Skontha, il-fama ħażina li għandu l-istat Iżraeljan fuq livell internazzjonali hija biss kwistjoni ta’ “bad PR” u mhux tal-politika qattiela tiegħu.
L-Iżrael juża l-għodda kollha li għandu sabiex jifga lill-Palestinjani, inkluż għodod kulturali bħal Netta Barzilai li jaħslu l-immaġini mdemmija tiegħu fuq livell internazzjonali, komplew l-għaqdiet.
Għalhekk Netta Barzilai hija waħda mill-persuni fil-mira tal-kampanja “Boycott, Divestment and Sanctions” imsejħa mis-soċjetà ċivili Palestinjana. Bl-istess mod kif fid-disgħinijiet ir-reġim t’Apartheid fl-Afrika t’Isfel ġie fi tmiemu wara bojkottaġġ u sanzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili Palestinjana trid li d-dinja titfa’ pressjoni fuq l-istat t’Apartheid Iżraeljan permezz ta’ bojkottaġġ u sanzjonijiet kontra dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma kompliċi fl-azzjonijiet tiegħu.
L-organizzazzjoniet saħqu li l-istedina biex Netta Barzilai tipparteċipa fil-kunċert tal-EuroPride hawn Malta għandha tiġi revokata għaliex il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-libertà mhumiex menù li tagħżel minnu dak li trid. Hija kontradizzjoni kbira li manifestazzjoni bħall-Pride, li suppost tiċċelebra l-imħabba u l-ugwaljanza, tilqa’ fi ħdanha personalitaijiet li huma kompliċi fir-razziżmu, fil-qtil u fit-tindif etniku tal-istat t’Apartheid Iżraeljan, temmew jgħidu.
//= $special ?>