Lokali

Jiżdiedu l-istudenti li ma jgħaddux mill-eżamijiet tal-O-Level

Is-settur edukattiv f’pajjiżna kompla sejjer lura. Bl-istudenti kompletament jingħataw il-ġenb u l-edukazzjoni ma tingħata ebda prijorita mill-Gvern ta’ Abela.

Id-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri qabbel ir-riżultati tal-O-Levels mar-riżultati tas-sena li għaddiet fejn jidher ċar illi l-aktar suġġetti importanti ħadu daqqa ta’ ħarta.

Fil-fatt, dawk l-istudenti li fallew mill-Ingliż żdiedu bi 2% [+77 student] fuq sena ilu, il-Malti fallew minnu 5% aktar [+195 student] u fil-Matematika kien hemm żieda ta’ 3% [+97 student].

Dan kollu fid-dawl tal-fatt li, minn statistika li ħarġet mill-Eurostat għall-2022, pajjiżna jinsab fit-tmien post minn 27 pajjiż Ewropew – b’rata ferm għolja ta’ studenti li jagħżlu li ma jkomplux bl-istudji tagħhom wara s-sekondarja.

Malta għandha persentaġġ ta’ madwar 10% tal-istudenti bejn it-18 u l-24 sena li jitilqu mill-iskola; rata ogħla mill-medja tal-livell Ewropew.

Justin Schembri spjega li jekk il-Gvern ma jibqa’ jagħmel xejn dwar dan, se nkunu qed naraw żieda fl-istudenti li jieqfu mill-iskola qabel il-waqt.

Elezzjoni wara l-oħra. Manifest Elettorali wara l-ieħor. Il-Gvern Laburista ilu s-snin jagħmel wiegħda wara l-oħra li se jkun qed jaħdem b’risq it-tisħiħ tas-settur edukattiv – wegħda li sfumat fix-xejn.

Kien hawnhekk fejn Justin Schembri appella lill-Gvern biex jieħu azzjoni dwar dan illum qabel għada.

Ta’ min wieħed ifakkar li dawk l-istudenti li din is-sena poġġew għall-O-Levels kienu għadhom fl-ewwel sena tal-Primarja meta l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-Gvern. U għalhekk, il-Gvern Laburista kellu 10 snin ċans biex jaħdem favur it-titjib tas-settur edukattiv. Iżda minkejja dawn is-snin kollha, għadu m’għamel xejn biex dan is-settur jissaħħaħ.