Futbol Sport

Min huma l-avversarji li jmiss ta’ Gżira United u Ħamrun Spartans?

(Ferencváros huma rinomati għas-support tagħhom - Ritratt: EPA)

Wara s-suċċess fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League, Gżira United u Ħamrun Spartans il-ġimgħa d-dieħla se jkollhom jaffaċjaw żewġ avversarji rinomati u ta’ ċertu portata fix-xena tal-futbol Ewropew.

Ħamrun Spartans se jkunu qed jaffaċċjaw avversarju bi storja fil-kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif huma se jilagħbu kontra ċ-champions Ungeriżi Ferencváros.

L-ewwel leg jintlagħab nhar il-Ħamis 10 t’Awwissu fit-8pm fl-Istadium Nazzjonali filwaqt li t-tieni leg jintlagħab fil-Ferencváros Stadion il-Ħamis ta’ wara fis-7pm.

L-istaġun li għadda Ferencváros rebħu l-kampjonat Ungeriż għall-34 darba meta spiċċaw sitt punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Kecskemét.

Ferencváros kwalifikaw għall-ewwel darba għall-gruppi tal-UEFA Champions League fl-istaġun 1995/96 meta fil-grupp ġew ma’ Ajax, li tilfu l-finali kontra Juventus bil-penalties, Real Madrid u Grasshopper. Huma waslu wkoll sal-gruppi fl-2020/21 fejn spiċċaw fl-aħħar post ta’ Grupp G flimkien ma’ Juventus, Barcelona u Dynamo Kyiv.

Ferencváros kellhom ukoll esperjenzi fil-gruppi tal-UEFA Cup fl-istaġun 2004/05 u fil-gruppi tal-Europa League fl-istaġuni 2019/20 u 2021/22.

L-aħħar darba li ltaqgħu ma’ tim Malti, Ferencváros kien fl-istaġun 2019/20 meta fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League ġew kontra Valletta, fejn fl-ewwel leg fl-Ungerija Ferencváros rebħu 3-1 filwaqt li f’Malta spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Il-Ferencváros Stadion jesa’ madwar 24,000 spettatur.

Louis Arpa jiskorja l-gowl tar-rebħa għal Floriana kontra Ferencváros lura fl-1972

Aktar lura fiż-żmien, fl-1972 fl-ewwel round tat-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi, Ferencváros lagħbu kontra Floriana fejn fl-ewwel leg f’Malta l-Furjaniżi ħarġu rebbieħa 1-0 b’gowl ta’ Louis Arpa. Fit-tieni leg imbagħad Ferencváros rebħu 6-0 fl-Ungerija.

Ferencváros waslu sal-finali tat-Tazza tar-Rebbieħa tat-Tazzi fl-istaġun 1974/75, fejn sfaw megħluba minn Dynamo Kyiv bl-iskor ta’ 3-0.

Gżira United se jibdew fir-Repubblika Ċeka kontra Viktoria Plzeň

L-avversarji tal-Maroons fit-Tielet Round se jkunu ħadd ħlief FC Viktoria Plzeň tar-Repubblika Ċeka, li l-istaġun li għadda spiċċaw fit-tielet post fl-għola diviżjoni tal-pajjiż. Plzeň ukoll mhuwiex isem ġdid fil-football Ewropew hekk kif fil-passat riċenti ħabbtuha mal-aqwa timijiet fl-Ewropa fil-UEFA Champions League kif ukoll fl-Europa League.

L-ewwel leg jintlagħab fir-Repubblika Ċeka nhar il-Ħamis 10 t’Awwissu fis-7pm filwaqt li l-Ħamis 17 t’Awwissu fis-7pm fl-Istadium Nazzjonali jintlagħab it-tieni leg.

L-istaġun li għadda ċ-Ċeki kwalifikaw għall-gruppi tal-UEFA Champions League iżda l-polza ma tantx kienet ħanina magħhom hekk kif huma ġew fl-aktar grupp diffiċli li kien jikkonsisti mill-finalisti Inter, Bayern Munich u Barcelona. Filfatt Plzeň spiċċaw fl-aħħar post bl-ebda punt.

Fl-istaġun 2011/12 Viktoria Plzeň daħlu l-ewwel darba fil-gruppi tal-UEFA Champions League fejn ġew fi Grupp H flimkien mar-rebbieħa tal-edizzjoni tas-sena ta’ qabel Barcelona, Milan u Bate Borisov. Huma spiċċaw fit-tielet post u għalhekk marru fil-fażi tal-aħħar 32 tal-Europa League fejn ġew ma’ Schalke 04 u ġew eliminati b’aggregate ta’ 4-2.

Fl-istaġun ta’ wara huwa kkwalifikaw għall-gruppi tal-Europa League u spiċċaw fl-ewwel post ta’ Grupp B li kien jikkonsisti wkoll minn Napoli, Atletico Madrid u Lokereen. Plzeň waslu sal-aħħar sittax fejn kienu eliminati minn Fenerbahçe b’aggregate ta’ 2-1.

FC Viktoria Plzeň rebħu l-kampjonat tar-Repubblika Ċeka sitt darbiet.

L-istadium ta’ Viktoria Plzeň huwa d-Doosan Arena u jesa’ madwar 12,000 spettatur.