Bħala parti minn sensiela ta’ attivitajiet biex jikkomemoraw il-25 sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja tan-Naxxar, se jsir kunċert fil-pjazza tal-istess belt.
Il-kunċert Acoustics for Puttinu se jsir biex jinġabru donazzjonijiet għal-Puttinu Cares, li għaliha l-istess Kummissjoni għamlet diversi attivitajiet matul dawn l-aħħar snin sabiex tgħinhom.
Waqt dan il-kunċert, li d-dħul tiegħu huwa bla ħlas, se nisimgħu lill-kantanta Petra flimkien mal-kitarrista Lulu bħala warm-up band biex wara, il-band rinomata Red Electric tagħti kunċert bħala l-headliners tal-istess avveniment. Kif jixhed l-isem, l-artisti se jkunu kollha qegħdin idoqqu b’mod live u akustiku.
Il-kunċert se jittella’ nhar it-Tlieta 8 ta’ Awwissu u jibda fit-8.30pm.
Qabel din l-attività, propju ftit minuti qabel għal ħabta tat-8.00pm, se ssir inawgurazzjoni ta’ sett pavaljuni tad-dawl ġodda li se jkunu qed jixgħelu l-eqdem u waħda mill-isbaħ toroq f’pajjiżna, Triq Santa Luċija.
Dawn il-pavaljuni saru fuq disinn ta’ Anthony Muscat u maħduma b’mod volontarju mill-istess Kummissjoni Żgħażagħ. Dan il-proġett sar grazzi għall-iskema Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-Armar tal-Festi, għaqdiet Kulturali u għaqdiet Soċjali.
//= $special ?>